L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA, qalet li m’hemm l-ebda indikazzjoni li vaċċin tal-AstraZeneca kontra l-COVID-19 jista’ jikkawża t-trombożi u tenniet il-fiduċja tagħha fil-benefiċċji ta’ din it-tilqima.
Aktar kmieni, esperti u t-tmexxija tal-Aġenzija ltaqgħu għal diskussjoni oħra dwar il-vaċċin, hekk kif l-investigazzjoni dwar każijiet ta’ trombożi li feġġew f’xi pajjiżi se tibqa’ għaddejja xorta waħda. Dwar il-każijiet ta’ trombożi li feġġew f’pazjenti li ħadu din it-tilqima, id-Direttur tal-EMA qalet li n-numru mhux ogħla min-normal. Qalet ukoll li l-benefiċċji mediċi tal-vaċċin jibqgħu ħafna ogħla mir-riskji.
Numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa ssospendew l-għoti ta’ din it-tilqima partikolari, iżda kemm l-EMA u anke l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kontinwament appellaw biex il-vaċċin jibqa’ jintuża u l-ebda pajjiż ma jwaqqaf il-programm rispettiv ta’ vaċċinazzjoni. Pajjiżi bħall-Ġermanja ġew anke kkritikati minn politiċi barranin talli waqfu jagħtu t-tilqima, speċjalment wara żieda fil-każijiet fl-aħħar jiem.
L-EMA se tibqa’ għaddejja bl-investigazzjoni u se tippubblika r-riżultati sa nhar il-Ħamis li ġej.
Hekk kif feġġew dawn ir-rapporti dwar il-vaċċin, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini rrakkomandat li l-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-AstraZeneca tissokta kif pjanat. L-Awtoritajiet tas-Saħħa ma rċivew l-ebda rapport ta’ reazzjonijiet mill-persuni li tlaqqmu bil-vaċċin tal-AstraZeneca, bil-Gvern jassigura li m’hemmx lok ta’ allarm għall-pazjenti li diġà tlaqqmu kontra l-Covid-19.