L-aġenzija Ewropea tal-Mediċini saħqet li l-vaċċini kollha approvati minnha jilqgħu għall-varjant Indjan tal-virus Covid-19.
F’konferenza tal-aħbarijiet illum waranofsinhar, il-President tat-Task Force dwar il-vaċċin fi ħdan l-EMA, Marco Cavaleri, qal li l-varjant Indjan, Delta, jittrasmetti l-virus b’mod iktar mgħaġġel iżda mill-informazzjoni u t-testijiet li saru, l-vaċċini approvati kollha jipproteġu lill-bniedem minn dan il-varjant ukoll.
Dr Cavaleri qal ukoll li matul dan is-sajf l-EMA se tkun qed tistudja u tanalizza riżultati tal-effetti tal-vaċċin u kemm dan jibqa’ jipproteġi lin-nies imlaqqma mill-virus tal-Covid-19.
Qal li mbagħad tkun diskussa l-possibbiltà ta’ doża addizzjonali tal-vaċċin iżda l-EMA qed iżżomm kuntatt mal-kumpaniji li jipproduċu l-vaċċin dwar il-ħsieb ta’ dożi addizzjonali.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet irrefera wkoll għal dak li qed isir f’ċertu pajjiżi fejn persuni ngħataw l-ewwel doża tal-vaċċin ta’ ditta partikolari imbagħad ingħataw it-tieni doża tal-vaċċin ta’ ditta oħra.
Saħaq li r-riżultati juru li dan ma jidhirx li jagħmel ħsara iżda l-EMA mhiex f’pożizzjoni li tirrakkomanda li dan isir.