Nhar is-Sibt li ġej, l-għada tal-Milied, pajjiżna se jirċievi l-ewwel għaxart elef doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19 hekk kif it-Tnejn waranofsinhar, l-Agenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA approvat il-vaċċin ta’ BioNTech u Pfizer.
Dan tħabbar mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li spjega kif il-pass li jmiss huwa li fis-sigħat li ġejjin il-Kummissjoni Ewropea tapprova r-rakkomandazzjoni biex it-tilqima tibda titqassam fl-Istati Membri Ewropej.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif pajjiżna għandu vot, u se jivvota favur. Il-Ħadd 27 ta’ Diċembru fid-9 ta’ filgħodu se jibda jingħata l-vaċċin lin-nies, bl-ewwel persuna li se titlaqqam hija infermiera li taħdem fit-Taqsima tal-Mard Infettiv.
Mit-Tnejn 28 ta’ Diċembru, u kull nhar ta’ Tnejn, se jkomplu jaslu aktar dożi ta’ dan it-tilqim.
Qal kif, “Li waslu f’Malta l-ewwel konsenja ta’ 10,000 vaċċin. Nhar is-Sibt illi ġej huwa maħsub, huwa pjanat li jkollna l-ewwel għaxart elef vaċċin ġewwa Malta. Imbagħad eluf oħra ta’ vaċċini jaslu t-Tnejn 28 ta’ Diċembru, jiġifieri jumejn wara u kull nhar ta’ Tnejn jibdew nirċievu eluf ta’ vaċċin sakemm naturalment, inkunu mingħand il-Pzifer irċievejna 500,000 vaċċin.”
Dan l-ammont huwa ftit inqas mid-doppju ta’ dak li kien mistenni jirċievi pajjiżna bil-kwota tal-Unjoni Ewropea, iżda b’ħidma mill-awtoritajiet Maltin għandna iżjed dożi mill-populazzjoni Maltija.
Mill-kumpanija Modrna, pajjiżna mistenni jirċievi 100,000 doża, u miljun ieħor minn Astrazeneca, fost oħrajn.
Fl-ewwel jum li se tingħata t-tilqima, se jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa, fosthom dawk li jaħdmu fit-Taqsima tal-Mard Infettiv, mit-Taqsima tal-Kura Intensiva, ħaddiema tal-emerġenza u ħaddiema fis-swali fejn hemm pazjenti pożittivi għall-COVID-19.
L-għada se jkunu qed jitlaqqmu dawk li jaħdmu fil-kura primarja u dawk li jaħdmu fiċ-ċentri tal-ittestjar.
Fid-29 ta’ Diċembru se jibdew jitlaqqmu l-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u fit-30 ta’ Diċembru se jitlaqqmu l-ħaddiema tal-Isptar Monte Carmeli, tal-isptar Boffa, tal-isptar St. Thomas u dak tas-Samaritan it-Tajjeb.
Fl-ewwel sitt ijiem tas-sena l-ġdida se jitlaqqmu l-ħaddiema u l-pazjenti kollha tal-Isptar San Vinċenz De Paule, u ħaddiema tal-isptarijiet, kliniċi privati, u spiżjara li jaħdmu fil-komunità.
Fis-7 ta’ Jannar se jibdew jintbagħtu l-ewwel ittri lill-pażjenti li għandhom iżjed minn ħamsa u tmenin sena.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci spjegat kif it-tilqima se tingħata lin-nies ‘il fuq minn sittax-il sena, u smmiet li nisa tqal m’għandhomx jieħdu din it-tilqima.
Spjegat, “Barra min hekk ukoll trials fuq nisa li huma pregnant jew inkella jew inkella li huma breastfeeding għadhom limitati ħafna u allura wkoll f’dan l-istadju li qegħdin bħalissa fih, qed nieħdu prekawzjoni fejn din mhux tiġi offruta lil dawk in-nisa li huma tqal. U anke qegħdin nagħmlu r-rakkomandazzjoni biex persuni li jkunu ħadu t-tilqima jevitaw li jinqabdu pregnant għal dawk ix-xahrejn ta’ wara.”
L-effetti tal-vaċċin huma minimi, bħal ħmura fil-post fejn wieħed ikun tlaqqam, uġigħ, jew sintomi ta’ tilqim oħra.
Qalet kif, “U jekk inti tqabbel dawk il-ftit side effects li persuna jista’ jkollu ma’ propju x’tista’ tagħmilhek din il-marda, żġur li aħna nagħżlu li nieħdu dan il-vaċċin.”
Hawn qalet ukoll li skont studju, huma biss dawk li għandhom allergiji qawwija fejn kellhom jieħdu tilqim ieħor u anke jidħlu l-isptar, li jridu jżommu lura mill-vaċċin.
Il-vaċċin se jingħata f’żewġ dożi, bl-ewwel wieħed effettiv 52% kontra l-virus, u t-tieni doża, li hija booster, hija 95% effettiva.
Qal kif, “Dawn ħa jirċievu ittra li hija ittra bħal din, invit li ħa jkun hemm b’mod ċar, ikun hemm id-data, il-ħin u l-post ta’ fejn persuna għandu jmur biex jieħu l-ewwel tilqima u d-data, il-ħin u l-post ta’ fejn dik il-persuna trid tmur biex tieħu t-tieni tilqima. Huwa importanti li min ħa jkun ħa jmur għal din it-tilqima, jieħu miegħu dan l-invit, kif ukoll il-karta tal-identita.”
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll kif ġie varat numru tal-helpline ġdid, 145.
Qal, “La darba jibdew ħerġin dawn l-inviti, min ikollu jew xi mistoqsija illi jixtieq jagħmel dwar il-vaċċin, jista’ jċempel 145 jew iżjed importanti wkoll, illi min għal xi raġunijiet ta’ saħħa ma jkunx jista’ jieħu t-tilqima fid-data u l-ħin indikat javżana biex inkunu nistgħu noħorġu appuntament ulterjuri.”
Id-Deputat Prim Ministru appella biex kull min jista’ jieħu t-tilqima, li se tingħata b’xejn, jitlaqqam. Hu appella lil dawk li mhux se jitlaqqmu biex javżaw lill-awtortajiet biex id-doża tingħata lil ħaddieħor.
Dwar il-varjant tal-COVID-19 li hemm bħalissa fir-Renju Unit, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal kif l-ewwel studji juru kif dan il-vaċċin jaħdem ukoll kontra dan il-varjant.
Sostna li, “Jidher ukoll mill-ewwel indikazzjonijiet li għandna, pero għad hemm, qed isiru aktar studji profondi illi l-vaċċin jaħdem ukoll fuq dan l-istrain.”