Alfred Sant qal li l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju jridu jiżguraw li jkun hemm Parlament Ewropew li jħares l-aħjar livelli ta’ protezzjoni soċjali f’termini ta’ kwalita` tal-ħajja tal-individwi fl-Ewropa kollha. L-implimentazzjoni tal-politika soċjali fl-Ewropa għandha, fil-parti l-kbira tagħha, tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jiddeterminaw l-meta u l-kif għandhom jirrispondu għat-tibdiliet ekonomiċi u għal bżonnijiet soċjali fi ħdan il-komunitajiet tagħhom.
Alfred Sant, li tkellem f’attivita` soċjali fir-Rabat, organizzata minn Dominic Grech, Chairperson ta’ IDEAT u kandidat prospettiv għal Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, qal li d-deċiżjonijiet li ttieħdu fiż-żona ewro tefgħu l-piżijiet fuq il-ħaddiema u dawk li ma tantx jifilħu finanzjarjament.
“Dan jikkontradixxi bil-kbir il-mudell soċjali Ewropew. Il-gvernijiet nazzjonali fl-UE għandhom isaħħu l-liġijiet tal-qasam tax-xogħol u s-sigurta` soċjali, l-edukazzjoni u l-pensjonijiet. Ir-realta` hi li l-prinċipji li qed imexxu l-andament ekonomiku fl-UE huma, fl-essenza tal-politika tagħhom, neo-liberali. Differenzi kbar baqgħu jippersistu bejn in-Nord u s-Sud tal-Ewropa.”
Alfred Sant qal li l-Ewropa għandha tiżgura li l-impenn tagħha favur id-drittijiet soċjali jkun dejjiemi. Meta kkomparata mal-kumplament tad-dinja, l-Ewropa għandha l-aħjar livelli ta’ ħarsien soċjali u hija fuq quddiem f’termini ta’ kwalita` tal-ħajja. Iżda, qed ikollha taffaċċja firxa wiesa’ ta’ sfidi. L-effetti tal-kriżi ekonomika għadhom jinħassu sewwa f’ħafna stati membri u, anki jekk l-affarijiet diġa` tjiebu f’għadd ta’ pajjiżi, għadhom jippersistu differenzi kbar fi ħdan l-UE. Ir-rati tal-qgħad qed jonqsu b’mod ġenerali iżda n-numri jvarjaw ħafna fost l-istati membri.