F’diskors li għamel waqt attività politika tal-Partit Laburista mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Ta’ Giorni, il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Robert Micallef qal li bil-vot fil-25 ta’ Mejju għandna l-opportunità li nagħmlu għażla dwar li-futur ta’ pajjiżna.
Robert Micallef qal li rridu nagħżlu bejn min għandu strateġija ċara u soda dwar kif ninvestu fil-futur ta’ pajjiżna b’viżjoni għat-tul u bejn min iħares biss sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. Nagħżlu bejn min jaħdem bla qies biex joħloq opportunitajiet ekonomiċi għal pajjiżna permezz ta’ investiment lokali u barrani u min jilgħab il-logħba politika fl-Istituzzjonijiet Ewropej.
Robert Micallef żied jgħid li, fuq kollox, f’din l-elezzjoni neħtieġu nagħmlu għażla favur kandidati li dejjem se jmexxu ’l quddiem fl-interessi ta’ Malta u Għawdex fil-ħidma tagħhom fil-Parlament Ewropew. Robert Micallef wiegħed lill-elettorat Malti u Għawdxi li bħal ma dejjem ħadem għall-interess ta’ Malta minn wara l-kwinti b’mod partikolari meta serva lil Malta b’ħidma diplomatika f’Brussel fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hekk ukoll beħsiebu jpoġġi l-interess ta’ pajjiżna bħala prijorità fil-ħidma tiegħi fil-Parlament Ewropew, dejjem jekk ikollu l-fiduċja tal-elettorat.
Robert Micallef qal li deputati eletti fil-Parlament Ewropew għandhom jużaw il-mezzi xierqa li jistgħu jwasslu għal bidla pożittiva fil-ħajja tan-nies. Qal li beħsiebu jaħdem b’mod partikolari fil-Parlament Ewropew favur iktar fondi Ewropej, favur iktar opportunitajiet ta’ appoġġ u skambju mill-Ewropa għal diversi setturi, favur politika komuni dwar il-migrazjoni u favur l-istatus uffiċjali tal-lingwa Maltija filwaqt li jpoġġi dejjem l-ewwel l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ma jħares lejn kuluri. Robert Micallef żied li neħtieġu deputati li ma jfittxux il-glorja u li jkunu lesti jaħdmu minn wara l-kwinti bla mistrieh filwaqt li jaraw dejjem l-interessi ta’ Malta.
Robert Micallef saħaq li beħsiebu juża l-esperjenza professjonali tiegħu fi Brussell biex jikkontribwixxi sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet li l-aħjar jikkorrispondu mal-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex. Robert Micallef temm jgħid li l-Parlament Ewropew m’għandux ikun spażju għall-battalji partiġġjani imma pjattaforma biex noħolqu opportunitajiet soċjali u ekonomiċi għal kulħadd.