Il-firda fil-Partit Nazzjonalista kompliet toħroġ fil-beraħ waqt it-tmiem tal-Kunsill Ġenerali u wara l-elezzjoni għal Kap, li fiha Bernard Grech kien l-uniku kandidat.
Minkejja li aktar minn 28%tal-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ma tawhx il-fiduċja tagħhom, il-Kap Bernard Grech baqa’ jirrifjuta li jirrikonoxxi din ir-realtà.
Fil-Kunsill Ġenerali Bernard Grech, quddiem ftit partitarji u b’bosta siġġijiet vojta, qal li b’dan il-vot fit-tellieqa waħdu rebħet l-imħabba fuq il-mibegħda.
Qal, “Illum rebħet l-imħabba fuq il-mibegħda.”
Bernard Grech qal dan minkejja li erba’ mija u erbgħin Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista ma tawhx il-fiduċja tagħhom. Kien hemm 266 kunsillier li vvutaw kontra li Bernard Grech jibqa’ Kap Nazzjonalista, 162 li astjenew milli jivvutaw għalih, waqt li 12 oħra ħassru l-vot tagħhom.
Analisti politiċi li tkellmu ma’ ONE News sostnew kif dak li qal il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech juri kemm il-Partit Nazzjonalista huwa mifrud. Numru sostanzjali ta’ kunsillieri Nazzjonalisti, li huma meqjusa bħala ta’ ġewwa, ma tawx il-fiduċja tagħhom lil Grech.
Sorsi mid-Dar Ċentrali qalu li dan it-tip ta’ diskors mhux jirrispetta lil dawk li ma vvutaluwx jew li astjenew milli jivvutaw u b’hekk kompla jifridhom mill-partit tiegħu.
Waqt it-tmiem ta’ dan il-Kunsill Ġenerali, spikkat ukoll l-attendenza fqira tad-Deputati Nazzjonalisti.
Fil-ħin li ċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista, Peter Fenech, qara r-riżultat uffiċjali, id-Deputat Għawdxi u dak viċin l-establishment, Chris Said, tefa’ ritratt biex juri li hu qiegħed Pariġi u mhux fid-Dar Ċentrali, hekk kif kien se jsegwi lit-tim ta’ Liverpool fil-finali tal-UEFA Champions League.
Wara l-akbar telfa elettorali għall-Partit Nazzjonalista f’sebgħin sena, id-Deputat Għawdxi tħalla barra minn Bernard Grech fix-shadow cabinet tiegħu.
Bħal Chris Said, kien hemm l-eks Deputst Nazzjonalista u ewlieni tal-establishment Nazzjonalista, Jason Azzopardi li tefa’ ritratt ukoll minn Pariġi sabiex jara lil Liverpool. Aktar kmieni din il-ġimgħa, fuq Facebook, Jason Azzopardi spiċċa jizzufjetta bil-manuvra tal-vot bi prokura minn Bernard Grech u l-klikka tiegħu. Hawnhekk Azzopardi qal li huwa se jkun qed jattendi għal finali taċ-Champions League di persona u mhux bi proxy.