Kull min kien student tal-Junior College bla dubju jiftakar l-elezzjoni tal-Kunsill tal-Istudenti. Elezzjoni li għaliha ż-żewġ għaqdiet studenteski PULSE u SDM idumu jippreparaw xhur.
Minkejja l-argumenti fuq il-midja soċjali u dak il-battibek fuq l-għatba tal-Kulleġġ, l-għan tal-organizazzjonijiet huwa li jingħataw iċ-ċans li jirrappreżentaw lill-istudenti u li jwettqu l-proġetti li jkollhom fuq il-manifest.
F’din l-elezzjoni li tkun mistennija minn bosta studenti li jkunu ħadmu fil-kampanja tal-għaqda tagħhom, joħorġu għall-elezzjoni seba’ kandidati f’isem kull għaqda taħt il-kariga rispettiva li jkunu se jokkuppaw ladarba jiġu eletti.
Diskussjoni li ma taqta’ xejn hija dik jekk dawn l-organizazzjonijiet itelfux lill-istudenti mill-istudju tagħhom, iżda wieħed jistaqsi, jekk l-istudenti ma jinvolvux ruħhom u ma jipparteċipawx, il-valuri li jtuk dawn l-esperjenzi tista’ teħodhom mis-sillabu?