Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista ħabbret li l-elezzjoni għall-ħatra tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista se ssir nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni Elettorali qalet li l-kampanja elettorali bejn il-Kap Nazzjonalista preżenti Adrian Delia u Bernard Grech tista’ tibda minn għada. Dan minkejja li ż-żewġ fazzjonijiet ilhom għaddejin bil-kampanji rispettivi tagħhom u fl-aħħar jiem kompliet tiħrax il-ġlieda għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt iż-żewġ kandidati spiċċaw jiġġieldu dwar il-ħin u l-ispazju fil-midja, b’Adrian Delia jakkuża lil Bernard Grech li ħataflu l-unika programm allokat lilu fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
Delia saħansitra kompla jfakkar li l-evażjoni tat-taxxa hija reat kriminali, botta ċara lejn Bernard Grech li nqabad b’kontijiet pendenti li jlaħħqu l-eluf ta’ ewro ma’ tat-taxxa u tal-VAT. Min-naħa tiegħu, Bernard Grech infexx jattakka lil Delia u qal kif fl-aħħar tliet snin ma kienx hemm organizazzjoni fl-istrutturi tal-partit u anki qal li l-grupp parlamentari ma kienx qed jitlaqqa’ kif suppost. Hawnhekk, il-kandidat tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Bernard Grech iġġustifika l-klikkek li hemm fil-Partit Nazzjonalista.
Intant il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonalista qalet li issa Bernard Grech u Adrian Delia jistgħu jitfgħu n-nomina tagħhom għal Kap Nazzjonalista li trid tkun fost oħrajn sekondata minn tal-inqas tliet deputati. Lejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu t’Ottubru se ssir ukoll il-votazzjoni bikrija għal din l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
ARA WKOLL:
https://www.one.com.mt/2020/09/12/adrian-delia-u-bernard-grech-jistghu-jkunu-kandidati-ghall-elezzjoni-ta-kap-tal-pn-jaghlaq-il-process-ta-verifika/