Fil-Qorti, Jordan Azzopardi ta’ 35 sena, magħruf bħala “El Chapo ta’ Malta”, ġie akkużat li ta n-nar lil żewġ karozzi. Hu ġie akkużat ukoll b’pussess ta’ pistola misruqa, droga kokaina u kannabis, ksur tal-paċi pubblika u li sar riċediv.
Il-prosekuzzjoni informat lill-Qorti li bdiet tinvestiga ħruq ta’ karozza fis-sigħat bikrin tal-5 ta’ Marzu li għadda fi Triq il-Gardiel, Marsaskala. Malli waslu fuq il-post, in-nirien kien diġà nfirex ukoll fuq karozza oħra.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, semgħet kif il-Pulizija identifikat il-karozza użata fir-reat, għax kienet simili għal dik identifikata fi ħruq simili f’Ħaż-Żabbar f’Novembru li għadda, fejn aktar tard ġie magħruf li din kienet tal-eks sieħba ta’ Azzopardi. Din kienet qalet lill-Pulizija li, għalkemm irreġistrata f’isimha, il-karozza kienet qed tintuża minn Azzopardi.
Waqt li Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi, hu nżamm arrestat, bil-Qorti tordna wkoll l-iffriżar tal-assi tiegħu u toħroġ protezzjoni għas-sidien tal-vetturi involuti.
Azzopardi, li kiser difru kemm-il darba mal-ġustizzja, fil-passat ġie arrestat u akkużat diversi drabi, inkluż fuq traffikar ta’ droga.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shaun Pawney, bl-assistenza ta’ Dr Daniel Tabone u Dr Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca.