Fil-logħba inawgurali ta’ din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar, kienu fl-azzjoni l-ewwel żewġ timijiet minn Grupp A, il-Qatar u l-Ekwador. Fl-Al Bayt Stadium, kien it-tim Sudamerikan li ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 2-0. Żewġ gowls li waslu fl-ewwel taqsima mingħand il-captain tal-Ekwador Enner Valencia.
Wara biss tliet minuti, żball difensiv minn naħa tat-tim tal-Qatar, wassal lill-captain tal-Ekwador Enner Valemcia biex ipoġġi lit-tim tiegħu fil-vantaġġ. Għaldaqstant ir-referi Taljan Daniele Orsato iċċekkja l-azzjoni ta’ dan il-gowl u bl-għajnuna tas-Semi-automated offside technology, sab lil Valencia f’pożizzjoni ta’ offside minn irkoptu ‘il quddiem.
Mal-kwarta logħob il-gowlkiper ral-Qatar Alsheeb Saad waqqa lil Valencia fil-kaxxa u r-referi li kien ferm viċin l-azzjoni, ordna l-penalty. B’hekk fis-16-il miniuta mill-11-il metru, l-istess Valencia ma falliex.
Fil-31 minuta reġa kien Valencia li għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, sabiex għamilhom 2-0.
Eżatt qabel it-tisfira t’ tmiem l-ewwel taqsima, ċans kbir għal Ali Almoez li mill-viċin seta’ naqqas l-iskor.
Fis-76 minuta, il-protagonist ewlieni tal-logħba, Enner Valencia kellu joħroġ peress li weġġa’ lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima u ħadlu postu Jose Cifuentes.
Il-Qatar kienu ferm perikolużi fis-86 minuta, mix-xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Mohammed Muntari, bil-ballun li għadda fuq is-saqaf tax-xibka.
B’hekk skor finali Qatar 0 Ekwador 2.
Għada fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar minn Grupp B, l-Ingilterra tilgħab kontra l-Iran u mill-istess grupp fit-tmienja ta’ filgħaxija l-Istati Uniti jilagħbu kontra Wales. Bejn dawn iż-żewġ logħbiet, fil-ħamsa ta’ wranofsinhar ikollna l-logħba l-oħra minn Grupp A bejn is-Senegal u l-Olanda.
Ritratt: AFP