“Jiena u sħabi kollha fuq il-lista tal-Partit Laburista dejjem ħa naħdmu għall-familji tagħna, għan-negozji tagħna. Mela naħdmu kontrihom fl-Ewropa?! Mela tmorru tagħmelu 14-il riżoluzzjoni, waħda wara l-oħra f’ħames snin sħaħ kontra pajjiżna biex lin-negozji tagħna tnaqqsulhom il-fondi li jmorru għalihom. Biex lill-familji tagħna tħalluhom f’sitwazzjoni, fejn jiġu f’sitwazzjoni, fejn imbagħad l-Ewropa tispiċċa kontra l-pajjiż tagħna, bir-riżoluzzjonijiet li qegħdin tagħmlu. Għedtlu lil David ‘iva sibli waħda, riżoluzzjoni waħda biss minn 14, mhux kollha. Mhux qed ngħidlek ħamsa, għaxra, waħda biss, li int ma kontx tivvota ma’ David Casa magħha u kont tivvota favur Malta. Bħal m’għamlu sħabi kollha, sieħbi Alex Agius Saliba l-ewwel wieħed, li dejjem ivvotaw favur Malta.”
Din kienet ir-reazzjoni tal-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul, waqt li kien qed jieħu sehem fi programm ta’ diskussjoni fuq l-istazzjon FLiving.
Kien hawn li l-eks Viċi Kap u llum kandidat Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, David Agius, iġġustifika l-attakki kollha mill-Ewroparlamentari Roberta Metsola u David Casa b’mod konsistenti fil-leġiżlatura li għaddiet.
Agius argumenta li tali attakki mill-Partit Nazzjonalista fi Brussell kienu “kontra l-korrotti”, anke jekk l-14-il riżoluzzjoni, li tressqu fil-Parlament Ewropew, ilkoll kienu miktubin b’mod ċar kontra Malta, waqt li jitolbu għal proċeduri iebsin ta’ dixxiplina li jaffettwaw ħażin lill-familji u lin-negozji.
Id-Deputat Nazzjonalista, li wkoll għaxxaqha fl-aħħar ġimgħat meta qal li kien lest jibgħat lill-Maltin għall-gwerra, ma kienx jaf kif se jwieġeb għall-insistenza tal-kandidat Laburista Steve Ellul, li ripetutament staqsih jekk kienx hemm imqar waħda mill-14-il riżoluzzjoni li ma kienx jaqbel magħha kif saret u allura, li kieku kien għalih, ma kienx jivvota favuriha.
Minkejja dan, Agius baqa’ ma weġibx, anzi ġġustifika l-azzjonijiet kontra pajjiżna minn Metsola u Casa.
Steve Ellul: “Erbatax-il riżoluzzjoni kontra Malta, int liema waħda ma taqbilx magħha?”
David Agius: “Tħawwadx lin-nies, mhux veru. Min hu li qed jaħdem kontra Malta huwa dak li jagħmel il-korruzzjoni.”
Steve Ellul: “Din hi l-politika tal-passat. Jgħidu ħaġa hawnhekk u mbagħad barra …”
David Agius: “Int qed issemmi l-passat. Jien mhux se noqgħod nidħol f’dawn l-affarijiet ta.”