L-eks Sptar Militari Ingliż fl-Imtarfa se jinbidel fi skola internazzjonali, wara ftehim ta’ konċessjoni bejn il-Gvern Malti u Haileybury Malta.
Din l-iskola, li mistennija tiftaħ il-bibien tagħha f’Settembru tas-sena d-dieħla, se tilqa’ studenti minn livell ta’ kindergarten sa dak ta’ edukazzjoni sekondarja ogħla, ekwivalenti għal-livelli tas-SEC u tal-MATSEC ta’ Malta.
Il-kulleġġ Ingliż Haileybury għandu reputazzjoni u riżultati akkademiċi eċċellenti, bi storja ta’ aktar minn mija u ħamsin sena.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, li qalet kif dan huwa pass importanti għall-investituri u l-familji barranin f’Malta, imma wkoll għall-Maltin stess, li se jkunu jistgħu jattendu korsijiet rikonoxxuti b’mod internazzjonali.
Qalet kif, “Permezz ta’ dan il-ftehim qed naraw li nkomplu nistabilixxu lil pajjiżna bħala destinazzjoni edukattiva ta’ kwalità għolja. Haileybury hija entità edukattiva internazzjonali li se tkun ġo pajjiżna mil-livell ta’ kindergarten sal-livell ta’ baċċellerat.”
F’messaġġ rekordjat, il-Master ta’ Haileybury UK qal li jinsab kuntent li dan il-ftehim se jara l-ftuħ tal-ewwel sħab Ewropew, li se jingħaqad ma’ skejjel oħra ta’ dan il-kulleġġ madwar id-dinja.
Qal, “We have a number of partner schools around the world, but we are delighted to be opening our first European partner school, Haileybury Malta in September 2022.”
L-iżvilupp u t-tlestija tal-iskola huma stmati li se jieħdu tmintax-il xahar biex jitlestew, biex l-ewwel grupp ta’ studenti jibdew is-sena skolastika tagħhom minn Settembru tas-sena elfejn u tnejn u għoxrin.