L-eks Sindku Slimiż Nikki Dimech ma nstabx ħati fuq akkużi ta’ frodi, tixħim u theddid fuq uffiċjal pubbliku waqt li kien qed imexxi l-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema.
Il-każ kien beda fl-elfejn u disgħa meta ċertu Stephen Buhagiar kien mar jirraporta lill-awtoritajiet li Dimech kien talbu senserija fuq kuntratt ta’ servizzi li l-Kunsill Lokali Slimiż kien ħareġ biex jingħata b’sejħa pubblika.
F’Mejju ta’ tliet snin ilu l-Qorti tal-Appell kienet annullat is-sentenza u ddeċidiet li l-kawża ta’ Dimech kellha terġa’ tintbagħat fil-Qrati tal-Maġistrati.
Kien hawnhekk li l-każ għadda f’idejn il-Maġistrat Joe Mifsud li fid-deċiżjoni tiegħu ra li mill-analiżi tal-provi kollha m’hemmx il-konvinzjoni morali li l-imputat huwa ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih.