Olandiż, Jelle Rijpma ta’ 22 sena nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li qatel lil Shannon Mak, Olandiża ta’ 30 sena.
Rijpma tressaq il-Qorti akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu, li kellu arma fuqu mingħajr liċenzja u li kellu arma fuqu fil-ħin tal-każ.
Mak instabet maqtula b’daqqiet ta’ sikkina kmieni lbieraħ filgħodu fi Triq il-Mastrudaxxa f’Santa Venera.
Għall-akkużat dehret l-avukat tal-għajnuna legali, Leontine Calleja, fejn għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest bid-difiża tgħid li l-akkużat hu impjegat f’Malta fl-industrija tal-gaming u saħansitra għandu residenza Malta.
Il-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ din it-talba bl-avukat Stefano Filletti, li qed jidher parte civile, jgħid li l-Qorti għandha tikkunsidra n-natura gravi ta’ dan il-każ.
Wara li qieset kollox, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Kurt Zahra u Robert Vella.
Il-katavru ta’ Mak nstab mill-pulizija għall-ħabta tas-sitta u kwart tal-Ġimgħa filgħodu li investigat rapporti tal-ġirien fosthom ta’ raġel li kien sejjer għax-xogħol li lemaħ il-katavru tat-tfajla mixħuta fl-art bejn żewġ karozzi fl-istess triq.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu li jidher li l-mewta tagħha ġiet ikkaġunata b’diversi daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. It-tfajla nstabet b’għonqha mħanxar.
Sorsi qrib l-investigazzjonjiet tal-pulizija qalu li meta ffaċċjat bil-preżenza tal-pulizija fir-residenza tiegħu, l-Olandiż ma tniffisx u baqa’ kalm. L-istess sorsi qalu li ftit tal-ħin wara li ttieħed fl-Għassa tal-Ħamrun, iż-żagħżugħ ammetta mal-pulizija li kien hu li ħanxar lit-tfajla.
Is-sorsi żiedu jallegaw li ż-żagħżugħ temm ħajjet it-tfajla f’qasir il-għomor wara li ma setax iniżżilha li temmew ir-relazzjoni ta’ bejniethom.
L-istess sorsi qalu li l-vittma ntlemħet l-aħħar il-Ħamis filgħaxija fi stabbiliment tad-divertiment fil-Qawra waqt attività soċjali tax-xogħol u l-Pulizija qed tagħrbel bir-reqqa l-filmati li elevat minn cameras tas-sigurtà fil-madwar.