Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet l-appell tal-Avukat Ġenerali fejn Anca Adelina Pop instabet ħatja ta’ ħasil ta’ flus, u ġiet ikkundannata 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn kif ukoll tħallas multa ta’ €22,000.
Fis-sentenza tagħha, ir-Rumena nstabet ħatja li kellha għadd ta’ vetturi lussużi fuq isimha, filwaqt li kellha ammont sostanzjali ta’ flus meta din lanqas kienet taħdem.
Adelina Pop kienet inħelset mill-akkużi wara li l-ewwel qorti rat li l-assi tagħha kienu akkwistati b’mod leġittimu, però l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza u talab lill-Qorti tal-Appell li jsibha ħatja wkoll ta’ ħasil ta’ flus.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell innotat li Adelina Pop nefqet somom kbar fuq ħwejjeġ u li, bejn Mejju tal-2013 u Jannar tal-2018, bagħtet barra minn Malta s-somma ta’ €38,000 lil ommha.
Il-Qorti biddlet is-sentenza tal-ewwel qorti u sabitha ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, u ġiet ordnata tħallas parti mill-ispejjeż tal-qorti filwaqt li ġiet ikkonfiskata l-propjetà kollha tal-mara.