L-eks Re ta’ Spanja Juan Carlos qed ifittex immunità legali f’qorti tal-appell tar-Renju Unit, fuq allegazzjonijiet ta’ fastidju miġjuba mill-eks-maħbuba tiegħu.
Is-seduta f’Londra ssegwi allegazzjonijiet ġodda dwar l-imġieba tiegħu mir-residenta Brittanika Corinna zu Sayn-Wittgenstein, liema akkużi saru permezz ta’ podcast. Hija qed tgħid li l-eks re kien josservaha il-ħin kollu u jtiha fastidju, wara li r-relazzjoni tagħhom spiċċat fl-2012.
L-eks re, li abdika fl-2014, qed jiċħad kull aġir ħażin. Madanakollu, il-mara qed tinsisti li l-eks re ta’ 84 sena, li huwa miżżewweġ lil mara oħra, ikkawżalha “uġigħ mentali kbir” bħala riżultat ta’ “kampanja ta’ fastidju” wara li ntemmet ir-relazzjoni tagħhom. Is-Sinjura zu Sayn-Wittgenstein, negozjanta mwielda Ġermaniża li tgħix l-Ingilterra, ressqet il-każ ta’ fastidju fl-2020.