L-eks Prim Ministru tal-Georgia u Kap tal-Oppożizzjoni Giorgi Gakharia kellu jiġi mdewwi fl-isptar wara li safa’ attakkat f’lukanda allegatament minn membri tal-partit fil-gvern Georgian Dream.
F’dan l-inċident, li l-partit tiegħu qed jgħid kien motivat politikament u immirat sabiex jintimida lill-oppożizzjoni, huwa sofra minn ksur f’imnieħru.
L-Istat ta’ Georgia ilu minn meta saru l-elezzjonijiet f’Ottubru fi stat ta’ inċertezza b’attakki ta’ kuljum fuq dimostranti u membri tal-oppożizzjoni hekk kif minn meta f’Novembru l-partit Georgian Dream kien ħabbar li se jwaqqaf in-negozjati sabiex il-pajjiż jingħaqad fl-Unjoni Ewropea bdew isiru l-protesti kuljum.
Filfatt mijiet ta’ negozji pparteċipaw fi strajk ta’ tliet sigħat ilbieraħ f’dik li kienet id-49 ġurnata konsekuttiva ta’ protesti.
Il-kelliema għall-Kummissjoni Ewropea Anitta Hipper qalet li r-rapport li fl-attakk brutali fuq Gakharia kienu involuti politikanti mill-partit Georgian Dream huwa xokkanti u li ma kien hemm l-ebda lok għall-vjolenza fi kwalunkwe demokrazija.
Gakharia mhux l-ewwel kap tal-oppożizzjoni li kien suġġett għall-vjolenza f’dawn l-aħħar ġimgħat. Il-Kap tal-Koalizzjoni għall-Bidla Nika Gvaramia, ġie mitfuh mal-art mitluf minn sensih meta kien miżmum fil-belt kapitali ta’ Tbilisi x-xahar li għadda. Għexieren ta’ ġurnalisti mill-Georgia u dimostranti sfaw ukoll attakkati u anke midruba minn nies li jappoġjaw lill-Gvern matul il-protesti li qed isiru kull filgħaxija.
Il-Parlament Ewropew qed jitlob sabiex l-elezzjoni terġa ssir hekk kif qalu li din la kienet waħda libera u lanqas ġusta filwaqt li Kaja Kallas, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, akkużat lill-Gvern tal-Georgia li kien qed juża metodi ta’ ripressjoni kontra l-oppożizzjoni.