L-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat permezz tal-Avukati tiegħu Charlon Gouder u Vincent Galea, ressaq talba lill-Qorti biex l-inkjesta tal-Vitals tiddaħħal fir-reġistru tal-Qorti u b’hekk tkun aċċessibbli u pubblika għal kull min irid jara dan il-proċess.
Dan hekk kif, f’rikors li tressaq fil-Prim Awla tal-Qorti ĊIvili, ġie spjegat li hemm x’juri li dan ir-rapport tal-inkjesta diġà jinsab f’idejn terzi, b’mod partikolari l-persuni li instigaw din l-inkjesta. Dan minbarra l-partijiet differenti konċernati li għandhom aċċess għaliha.
B’hekk jeżisti r-riskju li jkun hemm min ikun selettiv fil-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport bil-għan li jinħoloq żbilanċ.
Dr Muscat, fir-rikors tiegħu, saħaq li dan l-aċċess pubbliku għandu jiġi estiż ukoll għall-proċeduri ġudizzjarji, fosthom dawk pubbliċi u anke għal dak li jiġi ppreżentat mill-partijiet fil-kawża, inkluż dokumenti mill-inkjesta.
F’dikjarazzjoni fuq Facebook, l-eks Prim Ministru tenna li x-xewqa tiegħu hi li l-kontenut tal-inkjesta jippubblikah. Madankollu, jekk jagħmel dan, ikun qed jikser il-liġi u b’hekk l-unika pass biex dan isir hu dak legali.