Rapport mill-midja tal-istat Russu qal li l-eks President tas-Sirja Bashar al-Assad jinsab Moska wara li ħarab minn Damasku.
Ir-Russja dejjem kienet l-alleata ewlenija tar-reġim ta’ Assad u għalhekk l-eks President u l-familja tiegħu issa qed jiġi rrappurtat li se jingħataw l-ażil fil-pajjiż.
Assad ħarab mis-Sirja meta il-grupp tar-ribelli HTS daħlu fil-kapitali fi tmiem il-ġimgħa.
F’Damasku ċelebrazzjonijiet kbar u l-folol ġew indirizzati mill-mexxej tar-ribelli Abu Mohammed al-Jawlani li ddikjara li din kienet vittorja għas-Sirjani kollha.
F’Damasku instemgħu xi splużjonijiet tard il-Ħadd filgħaxija wara l-waqgħa tar-reġim fejn rapporti mhux ikkonfermati qalu li Iżrael kienu attakkaw tliet darbiet kumpless ewlieni tas-sigurtà.
Il-forzi tar-ribelli ħelsu wkoll priġunieri mill-ħabs tal-istat. Rapporti jgħidu li eluf ta’ priġunieri kienu ġew maqtula jew mietu kawża tat-torturi u l-ġuħ f’dawn il-ħabsijiet bejn l-2011 u l-2018.
Mexxejja ta’ pajjiżi u analisti li qed isegwu l-andament ta’ dak li ġara qed isostnu li għadu mhux ċar xhinu l-futur. Is-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony Blinken qal li pajjiżu se jkun qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-Sirja u jiġġudika r-ribelli bl-azzjonijiet tagħhom u mhux bil-kliem.