L-eks President Franċiż Nicolas Sarkozy twaħħlitlu electronic tag il-Ġimgħa wara li tilef appell kontra s-sentenza li sabitu ħati ta’ korruzzjoni u influwenza abbużiva mill-poter.
L-electronic tag se tgħasses li jibqa’ fid-dar tiegħu ta’ Pariġi bejn it-8:00 ta’ filgħaxija u t-8:00 ta’ filgħodu. Jekk jonqos milli jagħmel dan, l-electronic tag tibgħat sinjal lill-awtoritajiet.
Minkejja dan, hu ngħata permess speċjali li jkun barra sad-9:30 ta’ filgħaxija tliet darbiet fil-ġimgħa biex jattendi għall-ġuri fuq akkużi separati, li jittrattaw allegat finanzjament illegali ta’ miljuni ta’ ewro għal kampanja elettorali tiegħu.
Fl-2021, Sarkozy kien instab ħati li seba’ snin qabel kien ipprova jxaħħam imħallef wara li spiċċa mill-kariga u ġie kkundannat għal tliet snin ħabs sospiżi għal sentejn, waqt li t-tielet sena seta’ jkollu monitoraġġ elettroniku.
L-appell tiegħu kontra din id-deċiżjoni ġie rrifjutat mill-Qorti Suprema Franċiża f’Diċembru li għadda biex il-Ġimgħa sar l-ewwel eks President li qatt iddaħħal fis-sistema tal-electronic tagging.
Sarkozy, li ġie elett President fl-2007, kien għamel żjara privata f’pajjiżna mill-ewwel, bil-maġġoranza tal-ħin iqattgħu fuq jott privat, għalkemm intlemaħ xi drabi jiġġoggja f’Dellimara u jgħum fi Mġarr ix-Xini, Għawdex.
Il-President Malti ta’ dakinhar, Eddie Fenech Adami, kien bagħatlu ittra uffiċjali fejn qal li Malta ma setgħetx tkun iżjed ferħana li għażel lil pajjiżna bħala l-ewwel pajjiż li żar wara l-ħatra tiegħu.
Meta qorbot l-Elezzjoni Ġenerali tal-2008 f’pajjiżna, l-establishment Nazzjonalista kien ukoll ikkopja l-kampanja ta’ Sarkozy minn sena qabel biex jimbotta lil GonziPN. Elezzjoni li l-Partit Nazzjonalista spiċċa jirbaħ b’maġġoranza ta’ 1,500 vot.