L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ippubblika filmat fuq il-paġna tiegħu ta’ facebook fejn tkellem fid-dettall dwar tfittxija li saret fir-residenza tiegħu l-Erbgħa filgħodu b’rabta ma’ inkjesta Maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Gabriella Vella.
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat tkellem kif ma kienx sorpriż għal kollox b’din it-tfittxija fuq l-ordni tal-Maġistrat.
Dan anke għaliex wara kitba fuq il-midja soċjali ta’ Jason Azzopardi fi tmiem il-ġimgħa, twassal il-messaġġ lilu li privatament Jason Azzopardi kien qal “issa taraw x’ġej għal Joseph Muscat il-ġimgħa d-dieħla.”
Joseph Muscat qal li l-pulizija mibgħuta mal-Maġistrat qalulu li kienu qed jfittxu dokumentazzjoni li għandha x’taqsam mal-kwistjoni tal-isptarijiet u xogħol li għamel wara li spiċċa minn Prim Ministru.
Dan ma’ kumpanija li għandha xi relazzjoni mhux diretta mal-isptarijiet.
Muscat żvela f’dan il-filmat li sa minn meta ħarġu stejjer fil-gazzetti li hu għamel dan ix-xogħol, hu għamel nota lill-Maġistrat biex jixhed u lesta file f’dan is-sens iżda, jirriżulta li l-Maġistrat Vella qatt ma bagħtet għalih.
Għalhekk, sostna Muscat, il-mod kif qed titmexxa l-inkjesta wassal biex tibda tonqos il-fiduċja tiegħu fl-inkjesta.
Saħansitra qal li wara l-kitba ta’ Jason Azzopardi għamel ukoll rikors ieħor biex imur quddiem il-Maġistrat u jodħilha d-dokumenti kollha li għandha bżonn iżda għal darb oħra jidher li l-inkjesta ma bagħtitx għal Joseph Muscat.
Minflok, qal Muscat, l-inkjesta għażlet it-triq tat-teatrin.
Saħansitra qal li ntalbu wkoll il-mobiles ta’ uliedu minbarra dawk tiegħu u ta’ martu.
Għodda teknoloġika li hu ta mingħajr problemi anke jekk insista li kienet żejda li ntalbu l-mobiles ta’ uliedu.
Joseph Muscat qal li b’rabta ma’ dan ix-xogħol hu mar diversi pajjiżi u hemm dokumentazzjoni li tipprovah.
Joseph Muscat qal li l-file bid-dokumentazzjoni għaddih lill-inkjesta u saħaq jinsab dispjaċut kif imxew l-affarijiet.
Tenna li filwaqt li jifhem il-ġlieda politika ma jixtieqx li l-qasam tal-ġustizzja jiddaħħal fiha.
Hawn fakkar kif Jason Azzopardi kien jaf u l-ġurnalisti kienu jafu wkoll.
Joseph Muscat qal li l-inkjesta naqsitilha l-kredibbiltà u saħaq li hu se jitkellem u mhux se jkun intimidat.