L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal fuq Facebook li hu ma jippretendix li jkun trattat aħjar minn ħaddieħor, iżda lanqas jippretendi li jkun stmat agħar minn ħaddieħor.
F’messaġġ fuq facebook ta ħajr lil kull min wera solidarjetà miegħu fl-aħħar jiem.
Saħaq li hemm għalfejn jerġa’ jitkellem għax jekk mhux hekk ċertu affarijiet ma jkun jafhom ħadd.
“Kien hemm min qal għax Joseph irid ikun stmat differenti għax huwa Joseph. Jien ma rridx inkun trattat differenti minn ħaddieħor għax jiena Joseph Muscat. Jien ma rridx inkun trattat b’xi mod inġust għax jien Joseph Muscat,” qal l-eks Prim Ministru Muscat f’filmat li fih irrefera għal kif il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, kien wara l-bieb tiegħu meta saret it-tfittxija fuq l-ordni tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Joseph Muscat reġa’ tenna kif il-mod kif saru l-affarijiet setgħet twassal biex intilfet il-fiduċja ta’ ħafna nies fl-istituzzjonijiet.
Irrefera wkoll għal proċedura biex tinġieb Malta, Maria Efimova, involuta fil-gidba Egrant u kellha titressaq il-Qorti fuq ordni tal-Maġistrat.
Joseph Muscat tkellem dwar kif il-każ kontra Effimova mar sine die għax l-awtoritajiet donnu qatgħu qalbhom li jġibuha Malta.
“U qisu ma ġara xejn,” qal Joseph Muscat, li b’rabta mal-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu tenna li hu m’għamilx xogħol mal-kumpanija li ħadet il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Minflok sar xogħol ma’ kumpanija li qed jingħad li ħadet xi ħlasijiet mingħand kumpanija li rebħet il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Joseph Muscat insista li dan ix-xogħol sar, huwa dokumentat u ddikjara l-ħlasijiet u ħallas it-taxxa f’pajjiżna.
Joseph Muscat qal li jitkellem għax mhux se jħalli lil min jipprova jdawwar l-affarijiet u mhux għax irid ikun protagonista.
“Mhux se nħalli min jipprova jbiddel l-aġenda u jdawwar l-affarijiet biex jipprova jivvendika ruħu jew jużani biex b’xi mod ikisser il-moviment.
Il-moviment li bnejna flimkien mhux se jitkisser u se jibqa’ b’saħħtu,” qal Joseph Muscat.