L-eks Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, tkellem dwar diversi temi, fosthom il-baġit li għadu kemm ġie ppreżentat, is-sentenza tal-isptarijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Oppożizzjoni dwar is-suġġett, waqt li kien qed jiġi intervistat fil-programm ta’ Manuel Cuschieri l-Ġimgħa filgħaxija.
Dwar is-sentenza tal-Qorti tal-Appell fil-każ ta’ l-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak ġenerali ta’ Għawdex, irrefera għall-konklużjoni tal-Qorti li kien hemm kollużjoni u għalhekk neħħiet il-kunċett ta’ frodi tal-ewwel sentenza.
Hu tenna li l-‘waivers’ kienu riżultat tal-isforzi li kien hemm biex tkun solvuta s-sitwazzjoni. Żied li fil-każ ta’ Skanska, f’Mater Dei, il-‘waiver’ kienet differenti, għax dik kienet tfisser li, jiġri x’jiġri, il-Gvern ma seta’ jieħu l-ebda azzjoni kontrihom.
Hawn fakkar f’għadd kbir ta’ proġetti u konċessjonijiet ta’ żmien Gvern Nazzjonalista fejn dan kien baqa’ jinnegozja jew saħansitra l-proġetti ma mmaterjalizzawx, kif miftiehem. Fosthom semma l-Arriva, il-bejgħ tal-Mid Med Bank lill-HSBC u anke ta’ Smart City.
Tenna l-fiduċja tiegħu fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u nsista li jemmen li għandu jkun hemm investigazzjoni mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Qal li jifhem li l-Oppożizzjoni għandha wkoll fiduċja fih ladarba ġejja u sejra għandu biex jinvestiga. Iżda qal li l-proċess tal-inkjesta Maġisterjali tal-Maġistrat Gabriella Vella hu mimli leaks u preġudizzji, kif ħareġ mill-istqarrijiet ta’ qraba tagħha u għalhekk dan inaqqas il-fiduċja li għandu fl-istess inkjesta u żied li l-Maġistrat baqgħet ma bagħtet għalih qatt biex jixhed quddiem l-inkjesta.
Mistoqsi, mill-preżentatur Manuel Cuschieri, dwar il-baġit għall-2024, li ressaq il-Gvern ftit tal-jiem, ilu l-eks Prim Ministru Muscat qal li kien “baġit tajjeb ħafna” u fakkar kif fi żmien Gvern Nazzjonalista l-baġits kienu sinonimi ma’ liema taxxi se jogħlew.
Hawn tkellem fid-dettall dwar l-impatt tal-miżura fejn il-Gvern sostna l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels. Spjega li din hi l-aktar miżura li tgħin lin-nies, partikolarment il-klassi medja u n-negozji, iżda l-Gvern ma waqafx hemm u fl-istess baġit mexa għal numru ta’ miżuri oħrajn.
Żied li dan hu l-frott ta’ ekonomija b’saħħitha u kif il-ħolqien tal-ġid tkun tista’ tużah biex tgħin lin-nies.
Qal li ż-żieda fil-Paga Minima li ngħatat qabel il-baġit kienet l-ikbar żieda ta’ kull żmien u fakkar kif il-paga minima ma żdiditx tul is-snin kollha li l-Partit Nazzjonalista dam fil-Gvern, u l-ewwel żieda kienet fl-2017 meta ddaħħlet sistema li, permezz tagħha, ikun hemm reviżjoni perjodikament.