L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ressaq rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) li permezz tiegħu talab biex, b’urġenza, tordna li l-Maġistrat Gabriella Vella ma tibqax tmexxi l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Huwa talab ukoll li l-atti tal-inkjesta jiġu immedjatament assenjati “lil Maġistrat Inkwerenti ieħor/oħra li tkun imparzjali sew fuq livell oġġettiv u sew fuq livell suġġettiv”.
F’kumment li fuq il-paġna tiegħu fil-Facebook, Joseph Muscat kiteb li “fil-kawza huwa ppreżentat ċar kif il-Maġistrat Vella ma tistax tkompli tmexxi din l-inkjesta minħabba leaks kontinwi, inkluż mill-investigaturi tagħha, li ma ddekredatx għal iktar minn sena d-diversi rikorsi li għamilt biex nixhed u nwieġeb għal kwalsijasi domandi li setgħu isiruli, li taċċetta r-rapport li sar kontrija mingħajr ma tagħtini ċans inwieġeb għalih kif titlob il-liġi, kif ukoll li ma tirrikużax ruħha minħabba l-kummenti pubbliċi li għaddew il-familjari tagħha fuq il-mertu inkwistjoni.”
Huwa qal li l-kawża tindika b’mod ċar li hemm bosta każijiet li juru li l-Maġistrat kellha tirrikuża ruħha.
Il-Maġistrat Vella ma kinitx laqgħet it-talba li għamel l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ftit jiem ilu biex tirrikuża ruħha. Fit-talba tiegħu għar-rikuża huwa kien argumenta li kien hemm leaks kontinwi mill-inkjesta li qed tmexxi u spjega kif qraba tal-Maġistrat ippromowvew propoganda ta’ min talab l-inkjesta.
ir-rikors tal-lum kien iffirmat mill-avukat Charlon Gouder.