Waranofsinhar, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kompla jixhed quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, li kompla jiddiskuti r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-ElectroGas.
Il-Kumitat huwa ppresedut mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.
Waqt ix-xhieda, ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista nnotaw kif ir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista kienu qegħdin jipprovaw joħorġu ’l barra mill-parametri tal-istess kumitat.
Dr Muscat wieġeb, fost l-oħrajn, li hu la kellu l-ebda rwol fit-tfassil tat-tender li ntrebaħ mill-ElectroGas u lanqas ma kellu l-ebda influwenza fuq min rebaħ dan it-tender.
L-eks Prim Ministru nnota wkoll kif l-Awditur Ġenerali stqarr li, anki kieku, fejn kien hemm xi nuqqasijiet, l-affarijiet saru b’mod differenti, l-eżitu tal-proċess tal-għażla ma kienx se jkun differenti.
Fejn jidħlu n-nies magħżula fuq il-bord tal-għażla ta’ dan it-tender, Dr Muscat stqarr li hu ma kellu l-ebda influwenza fuq min ġie magħżul biex iservi fuq dawn il-bordijiet.
Muscat qal ukoll li, tul il-proċess li attwa l-proġett tal-power station, hu qatt ma daħal għal laqgħat jew kellu influwenza fuq kif ġie attwat l-istess proċess.
L-eks Prim Ministru stqarr ukoll li huwa wieġeb għad-domandi kollha mistoqsija lilu għax jifhem li l-kumitat huwa wieħed politiku, iżda qajjem mistoqsija dwar għaliex il-kumitat ma staqsiehx dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu b’rabta mal-kumpanija Egrant, li inkjesta sabet li din kienet biss allegazzjoni u nstab li kien hemm evidenza ffabrikata.