L-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat żvela kif l-akkużi fil-konfront tiegħu b’rabta mal-Inkjesta Vitals huma marbutin biss ma’ allegazzjonijiet li persuna ta’ nazzjonalità Indjana semgħet mingħand persuna oħra.
Dr Muscat qal dan hekk kif kien qed jiġi intervistat minn Emmanuel Cuschieri fil-programm ‘Linja Ċara’ t-Tlieta filgħaxija, proprju ftit jiem biss wara li ngħata aċċess għall-proċess verbal tal-Inkjesta Vitals, li tmexxiet mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Liema inkjesta mhux biss ġiet ippreżentata erba’ snin u nofs tard, iżda tqanqlu għadd ta’ dubji dwarha, inkluż dwar l-ammonti ta’ miljuni li jissemmew fiha u kif ħareġ li kumpanija msemmija lanqas biss kienet teżisti dak iż-żmien tal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Dr Muscat fakkar li, hekk kif fil-gidba tal-Egrant kien ħareġ li kien hemm firem iffalsifikati bil-persuna li għamlet l-allegazzjonijiet għadha maħruba sal-lum il-ġurnata, din id-darba lanqas xi ħaġa konkreta ma teżisti f’dan il-każ.
“Is-sabiħa li din ir-Russa, din is-Sinjura tal-inqas ħadet l-intrigu li hi u xi ħadd jiffalsifika l-firem u li joħroġ b’karti foloz li, imbagħad, ġew ipprovati li huma foloz. Din id-darba dan is-Sinjur Indjan mar jixhed li sema’ lil xi ħadd jgħid hekk. Jiġifieri mhux, għax jaf hu, għax sema’ lil xi ħadd jgħid xi ħaġa, detto del detto u allajbierek emmnuh.”
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat
B’hekk Dr Muscat sostna kif min kien għamel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet, fosthom il-Partit Nazzjonalista, se jkun qed iħallas bil-kbir.
“Dak li se jkunu instigaw in-nies ħa jkun wassal għat-tkissir totali tal-Partit Nazzjonalista. Ċert minnha, għax nista’ nikkonferma li din mhijiex biss Egrant it-tieni, hi agħar minnha. Jien meta tawni aċċess u bdew jgħidu hemm tmienja u sebgħin kaxxa, ħsibthom ħa jiġu b’kontejner affarijiet. Envelopp.”
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat
Fil-fatt, l-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista ddeskriva dan kollu bħala kastell tar-ramel, li b’mewġa waħda se jinħatt kollu.
Joseph Muscat – “Din ħa tkun kastell tar-ramel, kastell tar-ramel li tibnih sabiħ kemm tibnih sabiħ u tista’ tagħmel l-ikbar skultura tar-ramel, mewġa waħda u jinħatt kollu u jien ħa nkun dik il-mewġa li ħa nħottu kollu dan il-kastell tar-ramel.”
Preżentatur – “Kemm legalment u kemm politikament?”
Joseph Muscat – “Totalment.”
Sadanittant, matul l-intervista, Dr Muscat tenna li hu jixtieq li l-inkjesta maġisterjali tkun ippubblikata ħalli l-poplu jkun jista’ jiġġudika hu x’hemm u kif, fost oħrajn, din tinvolvi assunzjonijiet.
L-istess appell li għamel il-Prim Ministru Robert Abela mal-mument li sar magħruf li l-inkjesta Maġisterjali tlestiet.
Hawn l-eks Prim Ministru reġa’ fakkar kif proprju fid-dawl ta’ dawn l-assunzjonijiet, hu qatt ma ntalab biex jiċċara xi affarijiet jew jipprovdi aktar dettalji biex b’hekk qed jinħoloq preċedent ikrah u perikoluż.
Dr Muscat tenna wkoll is-solidarjetà tiegħu mal-persuni li jaħdmu fiċ-Ċivil u li din l-inkjesta maġisterjali kellha fil-mira tagħha lilhom ukoll.
Hawn Dr Muscat irrimarka kif dan kien intiż sempliċiment biex jipparalizza l-ħidma governattiva permezz tal-biża’.
Fi tmiem l-intervista, Dr Muscat kellu messaġġ wieħed.
“Ħallu għal ħaddieħor ir-rabja, l-isteriżmu, il-ġlied, it-tkissir, it-tgħajjir. Aħna m’aħniex ta’ hekk. Aħna kapaċi nsemmgħu leħinna fil-kalma, mingħajr mibegħda u b’riżoluzzjoni. It-tieni nett. Użaw dak li l-aktar jibżgħu minnu l-Partit Nazzjonalista. Il-vot.”
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat