Il-pulizija Ġappuniża għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta mal-qtil tal-eks Prim Ministru Shinzo Abe. Fil-fatt, qed tkellem lill-allegat qattiel, raġel ta’ 41 sena.
S’issa, il-pulizija qalet li s-suspettat għandu rabja kontra organizzazzjoni, li jemmen li Abe kien parti minnha, u dan kien il-motiv wara l-assassinju.
Abe miet ilbieraħ fi sptar wara li ġew sparati tiri lejh waqt li kien qed jindirizza lill-folla f’diskors f’attività tal-istess partit li kien imexxi.
L-allegat qattiel, li jidher li wettaq dan l-assassinju waħdu, ammetta li spara b’pistola home-made.
Intant, il-Prim Ministru Ġappuniż attwali, Fumio Kishida, qal li l-kampanja elettorali se tibqa’ għaddejja kif ippjanat, iżda b’sigurtà stretta; biex imbgħad għada se ssir l-elezzjoni parlamentari fil-Ġappun.