Illum waranofsinhar, l-Eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat deher quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi hekk kif kompla jiġi diskuss il-kuntratt tal-Electrogas.
Fi preżentazzjoni li għamel, Dr Muscat beda billi sostna li l-kunċett li bih il-Gvern wasal għalih biex pajjiżna jkollu powerstation bil-gass kienu li jorħsu l-kontijiet tad-dawl b’25% mingħajr sussidji u b’mod sostenibbli u li tonqos it-tniġġis tal-arja billi tingħalaq il-powerstation tal-Marsa anke permezz bil-qalba miż-żejt għall-gass.
B’hekk irrimarka li l-alternattiva kienet li pajjiżna jkollu diversifikazzjoni fl-energija magħmula mill-ġenerazzjoni tad-dawl permezz tal-gass, l-interconnector u r-rinovabbli.
Dr Muscat tenna wkoll li l-idea tal-enerġija bil-gass kienet bdiet tissemma fl-2005 bħala parti mill-pjan tal-Enemalta fi żmien Gvern Nazzjonalista. Madankollu rrimarka li kienet hemm kontra sens bejn din l-idea u t-tender tal-BWSC li ħareġ ftit wara u li kien jindika l-użu taż-żejt.
Dwar il-bżonn ta’ powerstation ġdida, Dr Muscat kwota wkoll rapport tal-Awditur Ġenerali ta’ pajjiżna fejn ġie kkonfermat l-importanza ta’ dan.
Dr Muscat ċċara wkoll il-kritika dwar ftehim minn qabel mal-Electrogas dwar dan il-proġett. Huwa rrimarka li lura fl-2011 bdew jittqajmu dubji kbar dwar dan il-proġett. Fost oħrajn semma ‘non-binding MOU’ li ġie diskuss ma’ investitur partikolari wara li Deputat tal-Partit Nazzjonalista ssuġġerixxa din il-laqgħa, għaliex xtaq li jara dan il-proġett jiġi implimentat. Dr Muscat kategorikament ċaħad ukoll li kien hemm diskussjonijiet mal-familji Fenech jew Apap Bologna fost oħrajn fuq dan il-proġett.
Dwar kif il-proposta daħlet fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, Dr Muscat sostna li kien hemm grupp kkordinat minn Louis Grech, Karmenu Vella u James Piscopo filwaqt li Konrad Mizzi ma kienx involut f’dan il-grupp.
Il-konsulenti barranin Kema tqabbdu wkoll biex jagħmlu rapport indipendenti sabiex jeżaminaw il-fattibiltà ta’ din il-proposta mill-Partit Laburista. Dwar il-preżentazzjoni dwar dan il-proġett Dr Muscat sostna li din ma kienet sigrieta bl-ebda mod tant li saret ukoll lill-edituri tal-gazzetti sabiex jiġi spjegat aħjar l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.
Wara l-elezzjoni Dr Muscat tenna wkoll li l-argument ma baqax wieħed li l-proġett ma setax isir iżda beda jsir tfixkil biex dan ma jsirx. Dan fost oħrajn permezz ta’ tfixkil fil-proċess tal-ippjanar, biżgħat li xxettlu fost il-ġemgħat u oħrajn.
Fuq il-proċess li skatta Dr Muscat tenna li dan kien saħansittra skrutinizzat mill-Kummissjoni Ewropea.
Dwar għaliex l-Enemalta qatt ma daħlet għal dan il-proġett, Dr Muscat spjega li dan ma sarx għaliex sempliċiment din kienet falluta. Dan jirrigwardja wkoll il-Gvern hekk kif ma setax jagħmel din in-nefqa kbira minħabba li lura fl-2013, kien jinsab fi proċedura ta’ defiċit eċċessiv.
Dwar il-garanzija tal-Gvern u l-ftehim tas-sigurtà tal-provvista tal-energija, Dr Muscat tenna li dawn it-tnejn spiċċaw illum il-ġurnata. Tenna li dan kien essenzjali f’każ ta’ emerġenza fil-pajjiż u l-importanza tiegħu dehret anke fi żmien il-gwerra fl-Ukrajna fejn baqa’ jiġi garantit il-gass għall-pajjiżna b’differenza għal pajjiżi oħra. Hawn Dr Muscat tenna li dan kien jinvolvi l-approvazzjoni tal-Unjoni Ewropea madankollu dan kien jieħu ż-żmien u kien hawn li l-Gvern dak iż-żmien ħa riskju kalkulat favur garanzija temporanja.
Dwar il-ftehim tas-sigurtà tal-provvista tal-energija mas-SOCAR Dr Muscat sostna li l-Kabinett approva dan fid-dawl tal-fatt li jekk ikun hemm diżgwid bejn is-SOCAR u l-Electrogas, il-Gvern jieħu preċedenza biex jixtri hu.
Permezz ta’ din il-ftehim mal-Electrogas u l-ftehimiet oħra li ssemmew Dr Muscat sostna li fuq ħames snin meta kkumparat mal-enerġija mill-interconnector biss, il-poplu Malti u Għawdxi kien ikollu jħallas €152 miljun iktar kull ħames snin.