L-eks plejer internazzjonali Ingliż u ta’ Manchester City Adam Johnson inħeles mill-ħabs wara li serva ftit iktar minn nofs is-sentenza ta’ offiżi sesswali ma’ tifla taħt l-età.
Huwa kien instab ħati tliet snin ilu li ħa sehem f’attività sesswali ma’ tifla ta’ 15-il sena fil-karozza tiegħu.
Huwa ħareġ mill-faċilita korrettiva f’Moorland fis-sigħat kmieni ta’ filgħodu.
Fl-2016 Johnson kien ammetta li kien bies lit-tfajla iżda caħad li kien hemm xi forma ta’ kuntatt sesswali magħha.
Huwa kien ikkundannat sitt snin ħabs u ġie mniżżel fir-reġistru tal-pedofeli.
Fost il-kundizzjonijiet biex jingħata l-parole huwa jrid jirreġistra l-indirizz ta’ fejn qed joqgħod mal-Pulizija, flimkien mad-dettalji tal-kont bankarju. Johnson huwa pprojbit ukoll li jiltaqa’ waħdu mat-tifla tiegħu ta’ 4 snin.
Skont rapporti fil-midja Ingliża, Johnson huwa nteressat li jerġa jibda jilgħab il-futbol. Iżda diversi timijiet fl-akwata ta’ South Yorkshire, minn fejn huwa Johnson, qalu li m’għandhom l-ebda rieda li joffrulu kuntratt.