Chris Cardona sostna li hu ffirma l-ftehim mal-Vitals Global Healthcare u kien wieħed mill-kuntratti li ffirma fil-kompitù tiegħu fiż-żmien li kien Ministru għall-Ekonomija.
Hu xehed hekk kif, l-Erbgħa, kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ numru ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet, f’wieħed mill-każijiet xprunati mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Fuq il-pedana tax-xhieda, Dr Cardona qal li ffirma l-kuntratt bħala l-Ministru responsabbli mill-Malta Enterprise. Hu qal li ma kienx ikun jaf id-dettalji kollha li jkun fihom tali ftehimiet, hekk kif dawn jiġu amministrati mill-entità governattiva.
Intqal li dan il-ftehim iffirmat f’Ottubru tal-2014, ma kienx imġedded. Dan hekk kif kien jinkludi biss l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-pjan tal-Gvern kien li jkun hemm titjib ukoll fl-Isptar San Luqa, ma’ dak ta’ Għawdex.
Fil-Qorti, Cardona qal li ra dan il-ftehim fil-jum meta ffirmah u meta xehed quddiem l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Meta mistoqsi jekk kienx ra xi ħaġa suspettuża f’dan il-ftehim, Chris Cardona wieġeb fin-negattiv. Ġie mistoqsi jekk kienx hemm preżenti l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda hu wieġeb li kieku kien preżenti kien jiftakar.
Il-każ ġie aġġornat għax-xahar id-dieħel, fejn għandhom jixhdu tmin persuni, li ma setgħux jixhdu fis-seduta tal-Erbgħa.