Raġel ta’ 29 sena tressaq il-Qorti akkużat li għamel l-att sesswali ma’ tifla ta’ 15-il sena. Dan wara li l-eks mara tiegħu irrapportatu lill-Pulizija.
L-eks mara qalet li dan għamlu ftit jiem biss wara li l-koppja żżewġet.
Ma jistax jixxandar isem ir-raġel, fuq ordni tal-Qorti. Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
L-Ispettur John Spiteri qal li kien hemm għajdud dwar ir-relazzjoni sesswali bejnu u bejn it-tifla f’Ħaż-Żebbuġ, qabel ma kien irrapportat il-każ. Huwa oġġezjona li r-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest minħabba biża li seta’ javviċina lit-tifla. Qal ukoll li r-raġel ftaħar li l-akkużi kienu se jitwaqqgħu għax jaf lill-familja tat-tifla.
L-avukat difensur, Kathleen Grima, innotat li r-rapport ma sarx mill-vittma, iżda mill-eks mara, u li mill-akkużi li saru, s-sess mat-tifla jidher li kien konsenswali.
L-ispettur Spiteri qal li omm it-tifla ma kienet kuntenta xejn meta saret taf bir-releazzjoni, u kkonfermat li riedet tieħu passi kriminali.