It-Tlieta filgħaxija, il-Pulizija federali Belġjana wettqet rejds f’diversi propjetajiet b’konnessjonijiet mal-eks Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Didier Reynders, fuq suspett ta’ frodi u ħasil ta’ flus.
Qed jiġi allegat li għal snin twal, Reynders xtara biljetti tal-lotterija nazzjonali bi flus dubjużi, bl-intenzjoni li l-profitti illeċiti wara għaddew fil-kontijiet privati tiegħu. Il-lotterija nazzjonali kien inkarigat minnha hu stess bħala Ministru bejn l-2007 u l-2011.
Jidher li l-investigazzjonijiet ilhom għaddejin xhur sħaħ, iżda stennew li jispiċċa l-mandat tiegħu fil-Kummissjoni Ewropea, sabiex ma jkunx kopert mill-immunità tiegħu fl-Unjoni Ewropea.
Barra minn hekk, sabiex twettaq ir-rejd il-pulizija Belġjana kienet teħtieġ permess mill-Kulleġġ tal-Kummissarji li Reynders stess għalhekk kien hemm riskju li din l-investigazzjoni tiġi mxekkla.
Reynders serva bħala Kummissarju tal-Ġustizzja mill-2019 sa din is-sena u qabel kien il-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju bejn l-1999 u l-2011.
Waħda mill-propjetajiet li fiha saru t-tfittxijiet kienet ir-residenza privata tiegħu u l-eks Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja kien interrogat mill-pulizija sa tard it-Tlieta filgħaxija.
L-istess Reynders, meta kien Kummissarju Ewropew, kien iddeċieda li jirriferi lil Malta fil-Qorti Ewropea dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Kien qal ukoll li Malta qed tikser il-liġi.
Ftit tal-ġimgħat ilu, opinjoni ppubblikata mill-Avukat Ġenerali fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taqbel kompletament mal-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment u jissuġġerixxi lill-Qorti biex ma tilqax it-talbiet li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fil-każ li fetħet kontrina.