F’artiklu ta’ opinjoni fuq it-Times, l-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli tkellmet dwar l–Abbozz ta’ Liġi għall-Ugwaljanza u l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza, li issa ilhom sitt snin li ġew introdotti.
Hija saħqet kif bosta pajjiżi Ewropej għandhom istituzzjonijiet b’saħħithom li jiffokaw esklussivament fuq il-protezzjoni, l-avvanz u l-edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk tenniet li l-proposta biex Malta jkollha istituzzjoni nazzjonali b’saħħitha f’dan il-qasam hija pass pożittiv, fejn dan jidħol ukoll fil-kuntest tal-liġi l-ġdida tal-UE dwar l-istandards għall-korpi ta’ ugwaljanza, li għandha ssaħħaħ l-indipendenza, ir-riżorsi u s-setgħat tagħhom.
L-adozzjoni tal-liġijiet hija biss il-bidu. Dak li hu essenzjali hu l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex dawn isiru għodda effettiva biex tingħeleb kemm id-diskriminazzjoni individwali kif ukoll dik strutturali.
L-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli
Dr. Dalli żiedet tgħid kif l-ugwaljanza hija prinċipju fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem u hija mnaqqxa fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u f’diversi ftehimiet internazzjonali.
Meta l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza u l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet Umani u l-Ugwaljanza jiġu adottati, se jsaħħu l-prinċipju tal-ugwaljanza fil-liġi Maltija. Għalhekk, irridu nkomplu naħdmu biex id-drittijiet tal-bniedem isiru realtà għal kulħadd u nibnu qafas sod għall-ugwaljanza u d-drittijiet umani, sabiex dawk l-aktar vulnerabbli jkunu protetti.
L-eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli