Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ċaħdet rikors ġuramentat tal-eks Kap tal-Infermiera u l-Qwiebel tal-Isptar Mater Dei Charmaine Attard li fih allegat li l-Gvern kiser il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tagħha biex jaġevolaw lil ħaddieħor meta ntalbet tibda toffri s-servizzi tagħha fl-Isptar Karin Grech.
Fil-kawża tagħha kontra l-Prim Ministru, il-Ministru għas-saħħa u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi l-FMS, Attard talbet ukoll li tiġi kkumpensata wara li kienet hi minn jeddha li rriżenjat mill-impjieg tagħha.
Il-każ imur lura għal Mejju tal-2013 wara li l-FMS għarrfitha li kellha tibda tirrapporta għax-xogħol fl-Isptar Karin Grech biex il-Gvern issaħħaħ il-kwalità tas-servizz f’dan l-isptar. Dan fl-istess waqt li l-grad u s-salarju tagħha ma kinux mittiefsa.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Silvio Meli qalet li l-Fondazzjoni kellha d-dritt li tidderieġi lil Attard biex taqdi l-funzjonijiet tagħha minn sptar ieħor amministrat minnha.
Fil-qorti id-Direttur tas-Servizzi tal-Infermiera qal li bħala prinċipju l-Gvern jista’ jċaqlaq impjegat skont l-esiġenzi tas-servizz.
Il-Qorti qalet li meta l-Fondazzjoni għażlet li tibgħat lil Attard minn sptar għal ieħor din kienet qed taġixxi skont il-kuntratt t’impjieg u għalhekk ma rriżulta li kien hemm l-ebda ksur tal-kuntratt.
Fid-dawl ta’ dan il-qorti ċaħdet ukoll it-talba għall-kumpens u ordnatilha tagħmel tajjeb hi għall-ispejjeż tal-kawża.