L-eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Paul Bugeja rrimarka kemm il-kuntratt li sar mal-kumpanija globali fis-settur tal-avjazzjoni Vistajet kien wieħed li minnu pajjiżna kattar il-ġid fis-settur turistiku.
Waqt laqgħa tal-kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi, is-Sur Bugeja kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tad-deputati fejn spjega kif dan il-kuntratt fuq medda ta’ tliet snin ta promozzjoni qawwija lil Malta.
Huwa spjega: “Meta tara r-returns li għamlu huma, tal-exposure li tat Malta tista’ tikkonferma li kien hemm diversi ġurnali, diversi media illi ppubblikaw l-artikli tagħhom u hemm referenzi diversi għal Malta.”
Is-Sur Bugeja fisser kif kien hemm bosta referenzi pożittivi dwar pajjiżna anki minn midja internazzjonali bħal Forbes.
Huwa sostna: “Kif rajna f’dan il-kuntratt inbena l-momentum sas-sena tmintax kien hemm ħafna ħafna referenzi għal u exposure għal Malta.”
Is-Sur Bugeja ddikjara wkoll li ma ser xejn bil-moħbi: “Aħna min-naħa tagħna ma rajna xejn li stajna naħbu jew għandna għalfejn jew fuq kollox dan kien qed ikun ippubblikati jiġifieri, l-advertising ma kienx xi ħaġa li qiegħed bil-moħbi u kellna u anki kienu ssemmew fil-gazzetti jiġifieri kien hemm iktar minn referenza waħda fil-gazzetti dak iż-żmien illi kien qed isir dan il-kuntratt.”
Intant waqt il-laqgħa tal-kumitat parlamentari għall-kontijiet pubbliċi, l-Oppożizzjoni permezz tad-deputat Nazzjonalista Chris Said allegat li l-kumpanija Malta Marketing hija kumpanija maħmuġa.
Din twaqqfet fl-2004 u ntużat biex tirreklama għal Malta fuq medda ta’ snin.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal: “Jiġifieri meta kienet tintuża din il-kumpanija biex tbigħ l-Isle of MTV kienet deal maħmuġa, dak li qed tgħid? Jiġifieri meta fl-2007, le hekk qed tgħid. Jiġifieri l-Gvern li kont tagħmel parti minnu int kien jagħmel deal maħmuġ qed tgħid.”
Chris Said wieġeb: “Mhux hekk.”