L-eks Editur tat-Times of Malta, Steve Mallia, se jiftaħ libell kontra Manuel Delia wara li tal-aħħar għamel numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.
Fi stqarrija Mallia spjega kif il-Ħadd l-għadda hu għażel li jikteb artiklu f’The Sunday Times of Malta għax ried jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ċertu tip ta’ ġurnaliżmu fil-gżejjer Maltin.
Tħassib li ġiegħlu jerġa jikteb artiklu għal din il-gażżetta hekk kif l-eks editur għal disa’ snin mat-Times of Malta kien irtira mill-professjoni ta’ ġurnalist.
Madankollu huwa jkompli jgħid kif wara 24 siegħa minn x’ħin ġie ppubblikat l-artiklu, Manuel Delia b’risposta għall-artiklu minn Mallia għamel numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.Fosthom allegazzjonijiet b’rabta mat-tmexxija tal-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Ltd, Adrian Hillman.
Fl-istqarrija Mallia jsostni kif għal kuntrarju ta’ dawn l-“allegazzjonijiet malizzjużi” minn Manuel Delia, hu ma kellu l-ebda informazzjoni b’rabta mal-allegat azzjonijiet attribwiti ma’ Hillman, b’mod partikolari hekk kif hu ma kellu l-ebda involviment fl-operazzjonijiet kummerċjali tal-kumpanija.
Mallia spjega kif wara li ħareġ il-blogg ta’ Delia, hu kiteb messaġġ fuq il-profil tiegħu fuq Facebook fejn qal li l-allegazzjonijiet li għamel ma kienu xejn ħlief gidba wara gidba.
Madankollu mhux kulħadd jidher li qabel mal-artiklu ta’ Mallia hekk kif fil-messaġġ bir-reazzjoni għal-artiklu ta’ Manuel Delia kienu bosta li kkummentaw kontrih.
Fost dawn kien hemm Caroline Muscat, ex ġurnalista tat-Times u l-persuna responsabbli mill-aħħar kampanja elettorali ta’ Simon Busuttil mal-Partit Nazzjonalista. Minkejja li Mallia u Muscat kienu kollegi u ħadmu flimkien fil-kamra tal-aħbarijiet tat-Times of Malta hija qalet li kienet tistenna aħjar minn Mallia wara l-artiklu li ħareġ.
Wieġeb ukoll Andre Delicata, ex ġurnalist ieħor tat-Times of Malta u kollega ta’ Caroline Muscat ma’ TheShiftNews flimkien ma’ iktar ġurnalisti tat-Times of Malta li flimkien kollha baqgħu jiddefendu l-blog ta’ Manuel Delia.
Sa issa Manuel Delia jibqa’ ma jweġibx għal libell fil-konfront tiegħu