Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tkun qed tagħti digriet dwar it-talba li ressaq l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied, il-kumpanija tat-Times, Vince Buhagiar.
Buhagiar qed jitlob li tiġi riveduta ’l isfel is-somma li għandu ffriżata b’ordni mill-Qorti.
Buhagiar jinsab mixli b’ħasil ta’ flus u reati oħra relatati fuq ħlasijiet li rċieva mingħand kumpanija ta’ Keith Schembri.
Huwa qed jiġi akkużat li kkonfofa wkoll ma’ Adrian Hillman, li wkoll kien direttur maniġerjali tat-Times, b’rabta ma’ xiri ta’ apparat tal-istampar mingħand il-kumpanija Kasco.
L-Avukat ta’ Vince Buhagiar, Veronique Dalli, spjegat li skont rikors imressaq fl-10 ta’ Novembru mill-akkużat u mingħajr preġudizzju għall-innoċenza ta’ Buhagiar, is-somma ffriżata hija ta’ ftit aktar minn €246,880 u għalhekk il-bqija tal-assi tal-klijent tagħha għandhom jitneħħew mill-ordni tal-iffriżar.
Il-Prosekutur mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma oġġezzjonax għal din it-talba, fid-dawl tal-fatt li l-Ispettur Joseph Xerri fix-xhieda tiegħu kien indika l-ammont li allegatament irċieva Buhagiar.