Wara li reġa’ fajjar allegazzjonijiet mill-aktar serji fil-konfront ta’ rappreżentant ieħor tal-Gvern, l-eks Deputat Nazzjonalista u avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi mill-ġdid spiċċa mgiddeb fil-pubbliku għall-invenzjonijiet tiegħu.
Wara li, fl-aħħar jiem, kellu jammetti hu stess li kien gideb dwar is-Segretarju tal-Kabinett, Ryan Spagnol, u fl-aħħar xhur instab li kien ivvinta fuq id-Deputat Carmelo Abela, il-Ministri Owen Bonnici u Clint Camilleri u l-Prim Ministru Robert Abela, din id-darba l-vittma tiegħu kien il-Ministru għall-Ekonomija u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, u familtu.
Jirriżulta li l-allegazzjonijiet foloz mhux biss saru Lejlet l-Ewwel tas-Sena, iżda wkoll f’perjodu meta hu magħruf li mart il-Ministru Schembri, Deandra, avukat bi professjoni, hi wkoll tqila.
Azzopardi kellu l-ardir li jitlob lill-Qorti biex jiġi investigat il-Ministru Schembri fuq il-bażi li forsi jista’ jkun involut f’xi reati ta’ korruzzjoni.
Allega, fost oħrajn, li l-Ministru u familtu qed jgħixu f’appartament mikri mingħand l-iżviluppatur Josef Dimech għal xi €3,400 fix-xahar, waqt li l-istess negozjant ingħata kuntratt mill-INDIS, li wkoll taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-istess Ministeru ta’ Schembri.
Minkejja dan, b’reazzjoni għal rapport fit-Times, stqarrija f’isem l-istess Dimech, is-Sibt filgħaxija, giddbet kompletament lil Jason Azzopardi. Ġie miċħud li xi proprjetà ta’ Dimech jew ta’ xi waħda mill-kumpaniji tiegħu nkriet fil-passat jew qed tinkera llum il-ġurnata lill-Ministru Schembri u familtu.
Iżjed minn hekk, Josef Dimech enfasizza li kull xogħol li qed isir f’sit allokat lil waħda mill-kumpaniji tiegħu f’Ħal Far qed isir skont il-liġi, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet kompetenti.
Il-gideb ta’ Azzopardi hu magħruf daqskemm ukoll l-isfaċċataġni u l-ħdura tiegħu li ma jiddejjaq xejn ikisser lin-nies b’allegazzjonijiet ivvintati.
L-istess kien fil-każ ta’ Carmelo Abela fejn għadda lilu u lil familtu minn martirju wara li assoċjah li kien kompliċi mal-agħar kriminali fil-hold-up armat fl-HSBC fl-2010 biex, eventwalment, kienet il-Qorti li, f’Settembru li għadda, iddikjarat li Azzopardi gideb b’mod sfaċċat u sabitu ħati ta’ malafama.
Minkejja dan, il-ħdura tal-avukat tal-għaqda Repubblika baqgħet ma qatgħet qatt, kif ġara l-aktar riċenti fil-konfront ta’ Ryan Spagnol, li Azzopardi wkoll assoċjah ma’ reati kriminali.
U fl-istess jum tat-Tlieta li għadda fejn Azzopardi spiċċa jammetti hu stess li kien gideb dwar Spagnol, flok staħba bil-mistħija, mar fuq it-televiżjoni biex kompla jivvomta fuq ħaddieħor.