L-eks Chairman tal-Bank Pilatus, Ali Sadr Hashemi Nejad, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba fil-kontront tiegħu b’rabta ma’ ksur ta’ sanzjonijiet Amerikani fil-konfront tal-Iran lura fis-sena 2004.
Hashemi Nejad wieġeb mhux ħati waqt is-smigħ tal-każ fi New York fejn ġie rrifjutat milli jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet, bil-Maġistrat Barbara Moses innotat li hemm ċans li hu jitlaq mill-Istati Uniti bl-avukat tiegħu Andrew Bauer jargumenta li dan mhux se jkun minnu hekk kif hu miżżewweġ ċittadina tal-Istati Uniti, u kien residenti fil-pajjiż.Hashemi Nejad ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet fejn b’reazzjoni għall-akkużi li ħarġu l-awtoritajiet fil-konfront tiegħu, il-kunsill ta’ superviżjoni tal-Awtorita Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ssospendiet b’mod immedjat lil Ali Sadr Hashemi Nejad mill-pożizzjoni ta’ direttur tal-bank Pilatus u minn kull rwol eżekuttiv li kellu fil-bank.
Il-kunsill ta’ superviżjoni, li huwa l-ogħla organu fl-awtorità, ssospenda wkoll id-dritt tal-vot tiegħu li kellu bħala azzjonist tal-istess bank kif ukoll waqqfu milli jirrappreżenta lill-bank. Apparti l-miżuri fil-konfront ta’ Hasheminejad, l-MFSA waqqfet lill-uffiċjali, diretturi u azzjonisti tal-bank Pilatus milli jgħaddu tranżazzjonijiet bħal ġbid u depożiti ta’ flus mill-kontijiet tagħhom.
Hekk kif ġew imposti dawn l-azzjonijiet il-Bank Pilatus issa għandu bżonn l-approvazzjoni tal-MFSA biex isiru movimenti tal-assi tiegħu.
Intant wara t-tneħħija ta’ Hashemi Nejad minn Chairman, l-MFSA ħatret b’effett immedjat lil Lawrence Connell biex jamministra l-assi ta’ din il-kumpanija.
L-MFSA ħatret lil Connell bħala l-persuna kompetenti biex jieħu l-kontroll tal-assi ta’ Pilatus Bank u jassumi l-kontroll tas-servizzi bankarji u dawk ta’ investimenti. Hu jrid jibqa jonora din il-kariga skond id-direzzjonijiet tal-MFSA.