Il-Gvern Malti ħoloq mostru li ma seta’ jaħdem qatt. Dikjarazzjoni li saret għall-ewwel darba minn eks uffiċjal tal-Arriva li spjega x’wassal biex wara sentejn u nofs biss li l-Arriva rebħet il-kuntratt din telqet minn pajjiżna. L-eks Kap Eżekuttiv David Martin, li kien Kap Eżekuttiv, tkellem għall-ewwel darba dwar x’mar ħażin anke fid-dawl li l-Arriva għandha operat f’pajjiżi oħra.
“Malta kien diżastru assolut. Kollox ħadem f’pajjiżi oħra, imma f’Malta kollox mar ħażin,” qal Martin. Filwaqt li rrifletta dwar l-istorja tat-trasport pubbliku f’pajjiżna Martin tkellem ukoll dwar l-irwol tal-konsulenti.
“Nefqu flejjes kbar fuq konsulenti parassiti (li jgħixu minn fuq dahar ħaddieħor) li tħallsu ħafna għas-servizzi tagħhom u ħolqu xi ħaġa li ma setgħet taħdem qatt,” qal l-eks Kap Eżekuttiv.
Spjega li tefgħu l-offerta fuq skeda mingħajr l-infrastruttura biex tappoġjawha. “Wara li tfajna offerta għal dak li talbuna, kien hemm sitwazzjoni ċara li politikament ma setgħux ikampaw magħha,” iżid Martin li ssokta jgħid kif imbagħad kien hemm ħafna bidliet.
“Dan fisser li għamilna żbalji u wegħdna affarijiet li ma stajniex noffru fir-realtà,” kompla jistqarr.
Hawn qal kif l-Arriva ma fehmitx l-impatt tal-konġestjoni tat-traffiku, id-differenzi bejn is-sistemi tat-turisti u l-fatt li l-pulizija lanqas jikkontrollaw it-traffiku. Żied li bidlu madwar disgħin fil-mija tan-network f’sitt xhur u tkellem ħafna dwar l-istandards tas-sewqa. “Ir-rati tal-aċċidenti kienu ma jitwemmnux. Il-kwalita tax-xufiera kienet estremament ħażina,” kompla jgħid.