“Hekk imsejħa indipendenti”. Kien b’dan il-mod li l-editur tax-Shift News, Caroline Muscat, irreferiet għat-tliet ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti li l-Ħadd għadda għamlu l-mistoqsija li xtaqu lill-Prim Ministru Robert Abela.
Muscat tefgħet dubju fuq l-imparzjalità tal-ġurnalisti Keane Cutajar tal-MaltaDaily u Yannick Pace tal-Lovin’ Malta, filwaqt li tkażat li magħhom kien hemm il-ġurnalist Claudio Coleiro ta’ L-Orizzont.
Hi ħaditha bi kbira li wieħed mill-ġurnalisti staqsa lil Dr Abela dwar dikjarazzjoni li għamel fuq il-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali abbażi ta’ artikli skorretti, fosthom fuq Shift News.
Il-Prim Ministru qal li din hi r-raġuni tar-riforma li se ssir biex il-qafas legali ma jkomplix jorbot idejn il-maġistrati meta jitressqu quddiemhom allegazzjonijiet li jinkitbu mingħajr ebda forma ta’ prova.
Għal din it-tweġiba, Caroline Muscat marret fuq Facebook, sfidat lill-Prim Ministru u għajritu “bully”.
Muscat hi dik li, fl-2016, telqet il-karriera tagħha biex issir campaign manager ta’ Simon Busuttil.
L-eks Kap Nazzjonalista, li llum reġa’ lura b’mod attiv fil-qofol tat-tmexxija tal-Partit, ma’ Karol Aquilina, Jason Azzopardi u l-għaqda Repubblika.
Din mhix l-ewwel darba li ġurnalisti indipendenti spiċċaw attakkati mill-fazzjoni estremista li qed tmexxi lill-Partit Nazzjonalista.
F’Settembru tal-2023, l-għada li l-istess Keane Cutajar tal-MaltaDaily kien intervista lill-Prim Ministru f’Marsaxlokk, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien ħareġ jgħajru bħala “mixtri”.
“Imbagħad jiġi jgħidilna f’xi intervista li jkun xtara, mingħand xi ħadd, li jkun safe li jagħmel intervista miegħu.”
Bernard Grech, Kap tal-Partit Nazzjonalista
Bl-istess mod, il-Ħadd li għadda, il-gazzetta Nazzjonalista Il-Mument ħarġet tattakka lill-kumpanija Allied Newspapers Limited, li tippubblika l-gazzetti tat-Times of Malta.
Il-Mument ħasset li għandha tikkummenta dwar diffikultajiet finanzjarji serji li, skont hi, għandha t-Times u saħansitra qalet li mistennija tbigħ il-post li topera minnu fl-Imrieħel biex tkompli tfendi.