Sa mill-2019 tlabt lis-superjuri tiegħi biex nieqaf minn dan l-uffiċċju u niffoka l-ħidma saċerdotali tiegħi f’oqsma oħrajn. Hekk stqarr l-eks Arċipriet tax-Xagħra, Għawdex, Monsinjur Carmelo Refalo, b’referenza għal artiklu infondat li deher fix-Shift News.
L-artiklu fix-Shift, li hu mmexxi minn Caroline Muscat, l-eks ġurnalista tat-Times u campaign manager Nazzjonalista fl-2017 fi żmien Simon Busuttil, attakka lill-Monsinjur Refalo billi ntqal li dan iddeċieda li jitlaq f’daqqa waħda mill-pożizzjoni biex jieħu kariga f’entità tal-Gvern.
Iżda, f’messaġġ fuq Facebook, Monsinjur Refalo stqarr li hu kien ilu jitlob lis-superjuri tiegħu sa mill-2019 biex jieqaf mix-xogħol tiegħu fil-Parroċċa tax-Xagħra u jiffoka l-ħidma saċerdotali tiegħu f’oqsma oħrajn.
Hu qal li għalkemm għadu fil-bidu tal-ħidma l-ġdida tiegħu, iħossu providenzjali bil-preżenża tiegħu fis-Santwarju ta’ Pinu fejn imorru ħafna jistaqsu għalih biex jaqsmu miegħu l-esperjenzi u l-problemi tagħhom.
Rigward il-ħidma tiegħu li qiegħed jagħmel fil-fergħa tal-FSWS ta’ Għawdex, hu qal li għadda mill-proċess kollu li jgħaddi minn kull ċittadin biex jidħol fid-dinja tax-xogħol.
Monsinjur Refalo qal li, għall-kuntrarju ta’ dak li nkiteb mix-Shift biex joskura l-impenn u l-ħidma tiegħu, iwegħed li jinsab determinat li jkompli jakkumpanja u jgħin lill-familji u individwi kull fejn meħtieġ.