F’artiklu fit-Times of Malta, l-opinjonista qrib ħafna tal-establishment, John Vassallo, qal, b’ton insensitiv għall-aħħar, li Malta hi marida u saħansitra f’kundizzjoni li ma tfiqx. Kiteb li ħafna professjonisti f’pajjiżna, fosthom tobba, nies taċ-Ċivil u bankiera, huma ħatja ta’ assoċjazzjoni kriminali, tant li qal li f’pajjiżna qisu għandna pandemija.
Skont Vassallo, li sikwit jikteb fil-blog ta’ Manuel Delia, is-soċjetà Maltija hi fundamentalment ħażina u saret waħda Mafjuża. Dan jixbah ħafna d-diskors tal-eks kandidat Nazzjonalista Salvu Mallia, li jgħid li f’Malta hawn kultura tal-piraterija.
Vassallo, li kien wieħed mill-magħżulin ta’ Richard Cachia Caruana, dak li kien jiġbed l-ispag tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi u llum jagħmel l-istess ma’ Berdnard Grech, jargumenta li kull min tpoġġa jmexxi entitajiet pubbliċi minn amministrazzjonijiet Laburisti hu fi stadju avvanzat ta’ mard.
Dan it-tip ta’ diskors hu sinonimu ma’ dak adottat mill-establishment, Nazzjonalista, b’nies bħal Louis Galea, li nzerta reġa’ tfaċċa f’diversi attivitajiet tal-kampanja Nazzjonalista. Dawn itambru li l-Labour għandu kanċer jew hu l-kanċer innifsu.
Vassallo jtenni li anke dawk li xi darba vvotaw għall-Partit Laburista huma morda. Fi kliemu “all are guilty and all are sick”.
Minbarra hekk, l-eks Ambaxxatur fi Brussels taħt Gvern Nazzjonalista, jattakka wkoll lil dawk il-barranin li ġew jinvestu f’pajjiżna. Sostna li dawn suppost wara li semgħu bl-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, messhom kollha għalqu l-fabbriki u n-negozji tagħhom u telqu minn pajjiżna. Simili għal kif kienu jtambru u jxewxu fis-sebgħinijiet kontra l-Gvern Laburista.
Il-fatt li dan m’għamluhx, għal Vassallo, qed juru li anke huma morda.
Vassallo enfasizza wkoll li, biex pajjiżna jfieq, dawk li jivvotaw lil-Labour issa jridu joħorġu jivvotaw għall-Partit Nazzjonalista.