“L-ekonomija u l-konnettività għal ġejjieni reżiljenti għandhom ikunu prijorità għall-għajxien u l-prosperità taċ-ċittadin fil-‘Prospettiva Strateġika’ tal-Unjoni Ewropea”
Dan saħqu s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi fl-ewwel laqgħa tal-‘Ministri tal-Futur’, fejn ġie varat l-‘EU Foresight Network’.
Dr Zrinzo Azzopardi ġie nominat mill-Gvern Malti biex ikun ir-rappreżentant tiegħu fuq dan in-network, li qed jitmexxa mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič. L-ewwel laqgħa ta’ dan in-network f’livell ministerjali saret fl-ambitu tal-laqgħa informali tal-Ministri għall-Affarijiet Ewropej, f’Coimbra, il-Portugall, organizzata mill-Presidenza Portugiża.
F’diskussjoni ffukata fuq il-prospettiva ta’ reżiljenza u awtonomija strateġika miftuħa għall-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi fakkar li ekonomija miftuħa u l-konnettività mhumiex biss għażla politika għal gżira b’ċirkostanzi partikolari bħal Malta, iżda neċessità għal għajxien u l-prosperità taċ-ċittadini.
F’dan l-isfond, is-Segretarju Parlamentari żied jistqarr li l-approċċ kredibbli jesiġi li l-Unjoni Ewropea jkollha suq intern li jiffunzjona fis-sħiħ bejn l-istati membri kollha. Huwa spjega kif, sal-lum, dan għadu mhux iseħħ bħalma qed jiġri fil-qasam tal-farmaċewtika.
Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-omofobija, it-transfobija u l-bifobija, li tfakkar ilbieraħ, Malta rċiviet riżultat eċċellenti fejn kompliet ittejjeb il-pożizzjoni tagħha fil-quċċata tal-lista ta’ ILGA-Europe. Dr Zrinzo Azzopardi saħaq li l-gvern Malti se jkompli jaħdem f’dan ir-rigward, u infatti Malta ngħaqdet ma’ diversi stati membri Ewopej oħra f’dikjarazzjoni komuni favur il-protezzjoni ta’ persuni LGBTIQ fl-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi pparteċipa wkoll fil-Konferenza dwar is-Saltna tad-Dritt fl-Ewropa, organizzata mill-Presidenza Portugiża, fejn fakkar li l-pandemija ma kinitx biss żmien ta’ sfida iżda wkoll ta’ opportunitajiet. Qal kif dawn l-isfidi ma żammewx lura lill-Parlament Malti milli jiffunzjona, anzi ddiskuta u approva b’mod unanimu riformi konstituzzjonali storiċi.