Matul l-aħħar laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) ġew diskussi żewġ temi importanti ferm għall-ekonomija ta’ pajjiżna, dik dwar il-miżuri li qed jittieħdu biex tiġi kkontrollata l-inflazzjoni u r-rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea magħruf bħala l-Country Report 2023.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul, il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta u l-Imsieħba Soċjali.
Matul il-laqgħa ġie spjegat kif ir-rapport tal-KE dwar pajjiżna jirrikonoxxi li l-ekonomija ta’ Malta baqgħet reżiljenti u b’saħħitha li saħansitra qabżet ir-rata medja ta’ tkabbir tal-UE. Ir-rapport irrikonoxxa wkoll l-interventi tal-gvern biex irażżan l-inflazzjoni.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Prof. Edward Scicluna ta rendikont tar-rati tal-inflazzjoni madwar l-UE, kif ukoll spjega l-mod kif pajjiżna qed jiffaċċja din l-isfida mondjali.
Matul l-intervent tiegħu, s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li hemm bżonn ta’ aktar għarfien fejn jidħlu r-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, li jservu ta’ ċavetta għal prattiċi ta’ xogħol aktar sostenibbli. Is-Segretarju Parlamentari spjega kif bosta negozji Maltin qed jinvestu f’diversi innovazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, iżda m’hemmx mod kif dawn qed jiġu mkejla. Andy Ellul fisser dan fl-isfond tal-Country Report tal-KE li jagħti indikazzjoni ta’ kemm jintefaq min-negozjanti fuq l-innovazzjoni fil-pajjiżi tal-UE.
Matul l-intervent tiegħu, l-Ministru Clyde Caruana ta’ informazzjoni dwar il-kwistjoni tal-inflazzjoni fejn enfasizza l-isforzi tal-Gvern biex jappoġġja l-ekonomija ta’ Malta, filwaqt li tenna s-saħħa tal-ekonomija ta’ pajjiżna meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
L-MCESD tenna l-impenn tiegħu li jidħol f’diskussjonijiet nazzjonali u fil-livell ta’ UE dwar kwistjonijiet ta’ interess nazzjonali, filwaqt li enfasizza s-saħħa u l-importanza ta’ djalogu soċjali attiv.