Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ekonomija Maltija kibret seba’ darbiet aktar mir-rata tal-pajjiżi fiż-Żona Ewro.
Huwa qal dan fuq Twitter, hekk kif irreaġixxa għall-aħbar li l-ekonomija Maltija, fit-tieni kwart ta’ din is-sena kibret bi kważi erbgħa fil-mija.
In Q2 our economy grew at seven times the rate seen in the euro area. Shielded from international shocks by our policies, firms recorded the best ever level of exports and paid the highest amount of salaries. We will continue to sustain our economy for the benefit of all. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) September 4, 2023
Hawnhekk Dr Abela sostna li l-intrapriżi, bis-sussidji li qed jagħti l-Gvern minħabba l-kriżi internazzjonali, ġew irreġistrati l-aqwa livell ta’ kummerċ li qatt kellu pajjiżna u taw l-akbar ammont ta’ salarji.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern immexxi minnu se jkompli jsostni l-ekonomija biex kulħadd igawdi minn dan il-ġid.
Intant, b’rabta ma’ dan, fi stqarrija l-Partit Laburista qal, li Gvern immexxi mill-Partit Laburista qed ikompli jmexxi strateġija ekonomika li tħalli r-riżultati.
Dan b’rabta maċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u li juru kif fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret bi kważi erbgħa fil-mija. Rata ta’ sebgħa darbiet aktar miż-Żona Ewro
Il-Partit Laburista b’reazzjoni għal dan fi stqarrija sostna li fuq dawn ir-riżultati issa trid tkompli tiġi implimentata t-tranżizzjoni ekonomika li temfasizza l-kwalità, fejn il-frott tat-tkabbir fl-ekonomija mbagħad ikun investit fil-ġid komuni.
Intqal li 80% taż-żieda fil-ġid nazzjonali kienet ġejja minn tliet setturi – is-servizzi finanzjarji, is-servizzi professjonali u l-manifattura. Dawn is-setturi bejniethom raw il-valur miżjud tagħhom jiżdied b’€140 miljun, jew bi 13%. Dan jikkonferma kemm it-tkabbir ekonomiku li qed jiġi osservat f’pajjiżna huwa dovut għall-espansjoni ta’ setturi b’karrieri ta’ kwalità.
Il-Partit Laburista għamel referenza wkoll għall-fatt li minkejja s-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali xejn faċli, l-ażjendi Maltin u Għawdxin qed jirnexxielhom ikomplu jżidu l-esportazzjoni tagħhom. Tant li fit-tieni kwart ta’ din is-sena din laħqet rekord ta’ €6.2 biljun, jew 13% aktar mil-livell osservat qabel il-pandemija.
Dan jikkonferma kemm l-istrateġija ekonomika tal-Gvern fl-aħħar snin għenet lin-negozji Maltin u Għawdxin jilqgħu għax-xokkijiet internazzjonali, tejbet il-kompetittività tagħhom u waslet biex kabbru l-operat tagħhom.
Il-Partit Laburista nnota wkoll li fl-istess ħin is-sehem tas-settur pubbliku fl-ekonomija kompla jonqos, bil-konsum tal-Gvern ikun biss 17% tal-ġid nazzjonali, meta fl-2012 kien 19%. Dan filwaqt li t-tkabbir ekonomiku baqa’ xprunat minn settur privat dinamiku, sostnut minn politika tal-Gvern li pproteġġietu mix-xokkijiet internazzjonali li tant xekklu lin-negozji f’pajjiżi madwarna.
Il-Partit Laburista tenna li huwa jibqa’ l-uniku partit bi kredibbiltà biex imexxi l-ekonomija ta’ pajjiżna ’l quddiem u skont il-viżjoni preżentata fil-manifest Malta Flimkien li qed tkun implimentata.
Temm jgħid li fiż-żmien li ġej, l-emfasi se tibqa’ tkun dejjem iktar fuq il-kwalità tal-ħajja biex minn dawn ir-riżultati pożittivi jibbenefikaw l-Għawdxin u l-Maltin, b’investimenti fl-oqsma importanti bħas-sigurtà, is-saħħa u l-edukazzjoni, fost l-oħrajn.
Aqra aktar: L-ekonomija Maltija tikber bi 3.9% fit-tieni kwart ta’ din is-sena – ONE