Ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li bħala medja, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-pajjiżi taż-Żona Ewro kibru b’inqas minn punt wieħed perċentwali.
Dan ifisser kważi erba’ darbiet inqas mir-rata mbassra għall-ekonomija Maltija.
Il-Bank Ċentrali qed jantiċipa li din is-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna se tikber bi 3.7%, filwaqt li s-sena dieħla mistenni li t-tkabbir jimmodera għal 3.6% fl-2024 u fl-2025.
Skont il-Bank Ċentrali, l-ekonomija ta’ Malta xorta se tkun sostnuta kemm minn domanda domestika qawwija, u kemm minn irkupru fit-turiżmu, li huwa fost l-aqwa, kif ukoll esportazzjoni tajba.
L-istabilità fil-prezzijiet tal-enerġija, qed iżżomm l-inflazzjoni ta’ pajjiżna relattivament baxxa. Il-politika għaqlija tal-Gvern, qed tkompli ssostni l-kompetittività ta’ pajjiżna, waqt li qed twassal ukoll għal konsum privat sostnut.
Minkejja l-pandemija, il-familji Maltin xorta waħda irnexxilhom ifaddlu. Dan qed iwassal biex il-familji Maltin qed ikomplu jikkunsmaw b’rata għolja. Dan hu riżultat tal-politika għaqlija tal-Gvern Malti biex kien ta’ sostenn u appoġġ kontinwu għall-familji fi snin li kienu ta’ sfida għal kulħadd.
Barra minn dan, in-negozji Maltin mistennija li jkomplu jkabbru l-operat tagħhom. L-istess rapport ibassar li s-sena d-dieħla u ta’ wara se jkun hemm żieda fl-investiment privat. Dan mistenni li jkun sostnut ukoll minn spiża kapitali sostanzjali min-naħa tal-Gvern, minħabba l-investimenti minn fondi Ewropej, bħal tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
L-irkupru ekonomiku se jwassal biex id-defiċit tal-Gvern mistenni jkompli jonqos gradwalment filwaqt li d-dejn nazzjonali se jibqa’ ferm taħt is-60%. Il-Bank Ċentrali ħass li kellu jtejjeb it-tbassir tiegħu għall-andament fiskali meta mqabbel ma’ tbassir ta’ qabel.
Il-Bank Ċentrali qed ibassar ukoll li l-inflazzjoni mistennija tibda tonqos din is-sena u sal-2025, iż-żieda fil-prezzijiet bl-imnut mistennija tkun qrib it-2%. Il-ħidma tal-gvern Malti li jkompli jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli għall-familji u għan-negozji Maltin u Għawdxin qed tħalli l-effett pożittiv tagħha.