It-tkabbir ekonomiku matul din is-sena mistenni jkun ta’ 3.7 fil-mija, ferm iżjed mill-medja tal-pajjiżi l-oħrajn taż-Żona tal-Ewro.
Il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro se tkun waħda minima ta’ 1 fil-mija, li jfisser differenza ta’ 2.7 fil-mija.
Dan ħareġ mir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali, li ġie ppreżentat ftit tal-ħin ilu. Minn dan ir-rapport ħareġ li s-sena l-oħra, is-sena meta bdiet il-gwerra fl-Ukrajna u li ġabet kriżi tal-enerġija, l-ekonomija Maltija kibret bi kważi 7 fil-mija.
Hawnhekk il-medja tat-tkabbir ekonomiku fil-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro kienet ta’ 3.5 fil-mija. Dan ifisser li l-ekonomija Maltija kibret kważi bid-doppju meta mqabbla mal-ekonomiji tal-pajjiżi taż-Żona tal-Ewro.
Waqt it-tnedija tar-rapport annwali, l-ekonomista Aaron Grech spjega li dan it-tkabbir ekonomiku ġie minħabba żieda fid-domanda domestika, li tlaħħaq ma’ dik ta’ qabel il-pandemija, u anki b’riżultat tal-irkupru fis-settur turistiku.
Huwa semma wkoll l-importanza tal-għajnuna li ta l-Gvern sabiex il-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil għall-familji u n-negozji baqgħu stabbli. Dan wassal biex is-sena l-oħra, ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna kienet inqas ferm mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
F’dan ir-rapport, il-Bank Ċentrali ħareġ ukoll li l-ekonomija Maltija mistennija tikber b’iżjed minn 3.5 fil-mija, is-sena d-dieħla u ta’ wara. Hawnhekk l-ekonomija se tkompli taqbeż il-medja tar-rata tat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiżi fiż-Żona tal-Ewro.
Minn dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali ħareġ li r-rata tal-qgħad f’pajjiżna se tibqa’ waħda baxxa u bl-inqas li qatt kienet fl-istorja. Dan filwaqt li x-xogħol f’pajjiżna mistenni jkompli jiżdied fiż-żmien li ġej.
Dwar l-inflazzjoni, dan ir-rapport juri li fix-xhur li ġejjin, l-inflazzjoni se tilħaq l-ogħla punt, iżda sal-aħħar tas-sena din se tkun inqas minn dik tas-sena li għaddiet. Dan filwaqt li s-sena d-dieħla u ta’ wara, din se tkun ftit iżjed minn 2 fil-mija.
Dan ir-rapport tal-Bank Ċentrali juri wkoll li, fit-tliet snin li ġejjin, id-dejn tal-Gvern se jibqa’ inqas minn 60 fil-mija.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-Professur Edward Scicluna, qal li dan ifisser li, f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent, l-ekonomija Maltija mhux se tkun f’riċessjoni.