Il-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda ’l fuq it-tbassir tiegħu dwar it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna għal din is-sena u issa qed jantiċipa li dan se jkun ta’ 4.4%.
Stqarrija uffiċjali tal-Bank nazzjonali nnotat li t-tkabbir mistenni jkun xprunat mid-domanda domestika, li mistennija tibbenefika minn tkabbir b’ritmu mgħaġġel fil-konsum privat u anke rkupru gradwali fl-investiment privat.
Intqal li l-kontribut tal-esportazzjoni netta mistenni wkoll ikun pożittiv, iżda f’livell aktar baxx minn dak tad-domanda domestika.
Il-Bank Ċentrali qed ibassar ukoll li t-tkabbir ekonomiku mistenni jimmodera għal 3.5% is-sena d-dieħla, waqt li s-sena ta’ wara, jiġifieri fl-2026, dan mistenni jkun ta’ 3.4%, li xorta tibqa’ rata b’saħħitha ħafna, mhux l-inqas meħudin iċ-ċirkostanzi internazzjonali.
Minn dan it-tbassir ħareġ li r-rata tal-qgħad se tibqa’ fl-inqas livelli storiċi ta’ madwar tlieta fil-mija, filwaqt li l-Bank Ċentrali jbassar li r-rata tal-inflazzjoni annwali, ibbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, se tbatti b’mod sinifikanti minn 5.6% fl-2023 għal 2.5% din is-sena.
L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali qalu li d-defiċit tal-Gvern, meta mqabbel mal-Prodott Domestiku Gross mistenni jinżel għal ftit aktar minn erbgħa fil-mija din is-sena biex b’hekk ikun naqas b’wieħed fil-mija.