Skont il-Bank Ċentrali, l-ekonomija Maltija kompliet tikber b’rata aqwa mill-medja Ewropea anke fl-aħħar kwart tal-2024. Dan joħroġ mill-Quarterly Review, li għadu kemm ġie ppubblikat.
Ir-rapport jinnota li t-tkabbir kien dovut l-aktar għad-domanda domestika, li baqgħet reżiljenti, minkejja li l-inċertezza ekonomika internazzjonali.
L-esperti tal-Bank Ċentrali jirrimarkaw li l-kundizzjonijiet tan-negozju f’pajjiżna xorta baqgħu aħjar mill-medja storika u kienu aħjar mill-kwart ta’ qabel. Dan kien rifless ukoll f’titjib fis-sentiment ekonomiku, kif imkejjel minn stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea.
Is-suq tax-xogħol ukoll baqa’ pożittiv, tant li żdiedu l-postijiet vakanti, waqt li reġa’ naqas il-qgħad għal-livell minimu storiku. It-tkabbir fl-impjiegi f’pajjiżna baqa’ aqwa minn dak fil-bqija tal-Ewropa, mentri r-rata tal-qgħad kienet ferm aħjar.
L-inflazzjoni kompliet tonqos fl-aħħar kwart tas-sena, tant li waqgħet taħt it-2%. B’hekk ir-rata taż-żieda fil-prezzijiet f’pajjiżna kienet inqas minn dik fiż-Żona Ewro.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta nnota kif id-deficit tal-Gvern kien inqas minn dak li kien sena qabel, filwaqt li anke l-piż tad-dejn nazzjonali naqas u baqa’ ferm taħt il-medja Ewropea.
F’analiżi dettaljata, l-esperti nnotaw kif l-andament fil-finanzi pubbliċi matul l-2024 kien aħjar minn dak mistenni mill-Gvern innifsu.
Filwaqt li l-ispiża kibret b’mod sostanzjali, minħabba l-iffirmar ta’ numru ta’ ftehimiet kollettivi kif ukoll benefiċċji soċjali aktar ġenerużi, kien hemm ukoll nefqiet relatati ma’ investimenti importanti kemm fil-linja tal-ajru nazzjonali kif ukoll fl-infrastuttura.
Imma għal dawn iż-żidiet għamel tajjeb id-dħul tal-Gvern, li kiber b’rata staordinarja minħabba ġbir aktar effettiv ta’ taxxi minn fuq il-kumpaniji.